Wara assenza ta’ sentejn, it-toroq Maltin reġgħu esperjenzaw il-purcissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa… purċissjonijiet li l-poplu Malti u Għawdxi tant huwa rinomat għalihom.
Matul il-jum tal-Ħadd, f’bosta lokalitajiet madwar Malta u Għawdex inħarġet il-purċissjoni bil-vara tad-Duluri… illi tradizzjonalment dejjem issir ġimgħa qabel il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid, dawn setgħu jerġgħu jibdew isiru mill-Ħadd.
Bħalma kien isir fis-snin preċedenti, bosta persuni mxew wara x-xbieha ta’ Maria Addolorata fejn għal ħafna, din tkun okkażjoni fejn il-pellegrinagg wara d-Duluri jservi biex id-devoti jitolbu xi grazzja jew bħala ġest ta’ maħfra.
Matul l-istess jum fejn tfakkar l-episodju bibbliku tad-dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, f’Ħal Għaxaq u l-Għargħur nħarġu l-purċissjonijiet bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira.
F’Ħal Għaxaq inħarġet il-vara l-ġdida tal-Veronika, li hija l-ħames kapulavur fl-injam li ngħaqad mal-kumplament tas-sett ta’ vari ġodda li qed jinħadmu mill-artisti Alfred u Arron Camilleri Cauchi.

It-Tnejn filgħaxija mbagħad fit-toroq tal-Belt Valletta se jinħarġu l-Kurċifiss Mirakoluż Ta’ Ġieċu kif ukoll l-vara tad-Duluri f’pellegrinaġġ li se jitmexxa mill-Isqof Charles Scicluna.
//= $special ?>