Is-sitwazzjoni tal-għoli tal-ħajja hi realtà li qed tagħfas fuq il-bwiet tal-ħaddiema u tal-pensjonanti, iżda anke tan-negozji.
Ikkonfermaw dan il-mexxejja ta’ żewġ unions tal-ħaddiema – il-UĦM Voice of the Workers u anke l-GWU – meta mistoqsija mill-gazzetta Illum, fejn anke esprimew tħassib serju dwar din il-pjaga għal ħafna Maltin u Għawdxin.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-union li jmexxi tinsab inkwetata sew fuq din il-kwistjoni. Għaldaqstant, qal li se jkunu qed jitolbu laqgħat mal-Prim Ministru Robert Abela, f’indikazzjoni ċara min-naħa tiegħu li l-Gvern għandu jindirizza aħjar l-isfidi li qed iġġib magħha l-għoli tal-ħajja.
Aktar ċar fi kliemu kien il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella, illi qal li n-nies huma ddisprati u l-ħaddiema jinsabu daharhom mal-ħajt meta jmorru jagħmlu xirja għall-familja u kull darba tiswihom mal-200 ewro.
Hu akkuża lill-Gvern li mhux jiġġieled biżżejjed l-abbużi fid-dinja tax-xogħol, bħall-isfruttament, li allura ma jħallux biżżejjed flus fi bwiet il-ħaddiema. Dan filwaqt li staqsa meta l-Gvern se jkun qed joħloq il-mekkaniżmu l-ġdid tal-COLA, kif ħabbar fil-Budget għal din is-sena.
U filwaqt illi qal li anke l-UĦM talbet laqgħa mal-Prim Ministru biex ikunu indirizzati dawn l-isfidi, irrefera wkoll għall-fatt li, minkejja li l-ħajja qed tkompli togħla, mhux veru li l-pagi tal-ħaddiema qed jogħlew ukoll.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Abigail Agius Mamo tkellmet dwar il-perspettiva ta’ dawn l-isfidi mil-lenti tan-negozji.
Hawn, hi spjegat li s-sidien tal-ħwienet ilhom mill-aħħar ta’ Jannar iħossu li qed tonqos il-fiduċja fost il-konsumatur. Barra minhekk, meta bdew jogħlew sew l-affarijiet essenzjali – fosthom l-ikel tat-trabi, li spjegat kif għola b’madwar tliet darbiet – il-konsumatur jispiċċa jnaqqas mix-xiri ta’ prodotti mhux daqstant essenzjali.
Statistika Ewropa turi kif l-għoli tal-ħajja hi l-aktar ħaġa li bħalissa qed tinkwieta lill-Maltin u l-Għawdxin, b’54 fil-mija jgħidu dan … jiġifieri aktar minn nofs il-popolazzjoni.
//= $special ?>