Internazzjonali

ILLUM: Il-poplu Franċiż jivvota

Wara kampanja ħarxa bejn id-diversi kandidati fi Franza, il-poplu Franċiż jinsab fuq ix-xwiek jistenna l-eżitu tar-riżultat tal-ewwel round tal-elezzjoni Presidenzjali.

Din kienet kampanja ferm interessanti fi Franza, hekk kif hemm ċans kbir li sempliċiment differenza ta’ madwar 10,000 vot jista’ kompletament ibiddel ta’ taħt fuq ix-xenarju politiku, u l-futur…kemm ta’ Franza, kif ukoll tal-Unjoni Ewropea.

Għall-elezzjoni tal-2022, il-poplu Franċiż kellu għażla ta’ 12-il kadidat. Madankollu, l-aktar kandidati li spikkaw kienu l-President attwali ta’ Franza Emanuel Macron, il-kandidata tal-partit bl-isem Forza Nazzjonali Marine Le Pen u l-kandidat tal-partit Soċjalista Jean-luc Melenchon, li qiegħdin jissieltu għall-Presidenza.

L-aħħar stħarriġ qed juri li din l-elezzjoni Franċiża se tieħu fit-tul hekk kif l-ebda wieħed minn dawn il-kandidati m’għandu l-possibilta li jikseb aktar minn 50% tal-voti… bil-possibilta kbira li l-elezzjoni tgħaddi għat-tieni round, ħmistax oħra.

Fit-tieni round ta’ voti iż-żewġ kandidati li jkunu ġabu l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel round imbagħad jispiċċaw f’taqtigħa għall-aħħar tiġrija fit-tieni round, bl-għan li wieħed minn dawn jġib l-approvazzjoni ta’ 50% tal-poplu Franċiż.

Diversi sorsi qiegħdin jirrimarkaw kif matul il-kampanja elettorali, l-aktar żewġ avversarji li qed jikkumbattu għal-presidenza Franċiża huma Macron u Le Pen.

Infatti diversi sorsi qiegħdin juru li fl-ewwel round ta’ voti jista jkun hemm biss differenza ta’ 3% bejn Macron u Le Penn, li bejn wieħed u ieħor jiġu kkalkulati għal madwar 190,500 vot, li kkumparata mal-popolazzjoni totali ta’ Franza, hija differenza verament minima.

Dan ifisser li meta l-elezzjoni Franċiża umbagħad tasal fit-tieni round ta’ votazzjoni, jidher li se tkun impossibli biex l-esperti politiċi jiddikjaraw xi forma ta’ rebħa kemm għal Macron, kif ukoll għal Le Penn.