Il-PBS m’għandux jibqa’ xandir tal-Istat iżda għandu jsir tassew xandir pubbliku. U biex dan isir hemm bżonn bidla minn fuq sa isfel.
Kliem l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo f’intervista estensiva li saritlu mit-Times of Malta. Intervista li matulha Evarist Bartolo tkellem dwar il-karriera politika tiegħu fil-Parlamanet Malti li ġiet fi tmiemha wara li ma kienx elett fl-Elezzjoni Ġenerali li saret ġimgħatejn ilu.
Dwar ix-xandir tal-Istat huwa qal li dan għandu mhux biss ibiddel ismu iżda fuq kollox għandu jinbidel kompletament… minn kif jinħatar il-bord, għall-mod kif jopera u kif jiġu ingaġġati n-nies.
Bl-eks Ministru tal-Affarijiet Barranin ma eskludiex li jaċċetta l-offerta sabiex isir President ta’ pajjiżna. Dan hekk kif it-terminu tal-President attwali George Vella jiġi fi tmiemu fi żmien sentejn.
Evarist Bartolo qal li taħt it-tmexxija tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kemm-il darba wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li Konrad Mizzi u Keith Schembri baqgħu biswit Muscat, hekk kif skont hu, meta ħarġu diversi allegazzjonijiet fil-konfront tagħhom, kellhom iwarbu immedjatament sabiex ma tibqax issir iktar ħsara lill-Partit Laburista u fuq kollox lill-pajjiż.
L-eks Ministru Laburista tkellem ukoll dwar il-qerda ambjentali fejn aċċenna għall-fatt li l-kostruzzjoni bl-addoċċ qed teqred l-ambjent ta’ madwarna.
Evarist Bartolo kien kritiku wkoll dwar is-sistema edukattiva f’pajjiżna hekk kif fi kliemu stess saħaq li meta kien Ministru tal-Edukazzjoni, kariga li dam jokkupa għal madwar disa’ snin, seta’ għamel ħafna iktar għal dan is-settur.
//= $special ?>