L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ħatar lil Dun Ivan Scicluna bħala kappillan tal-parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl, Ħal Safi.
Dun Ivan Scicluna twieled fl-24 ta’ Marzu 1970. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola primarja tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Ħal Tarxien u fl-iskola ta’ Santa Giovanna Antida fil-Gudja, l-edukazzjoni sekondarja fil-Liċeo Mikiel Anton Vassalli tal-Ħandaq, Ħal Qormi, u l-edukazzjoni postsekondarja fil-Junior College, l-Imsida.
Huwa ggradwa bħala infermier u mbagħad iggradwa wkoll fit-teoloġija mill-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Dun Ivan ġie ordnat saċerdot fit-20 ta’ Ġunju 2003. Fil-bidu tal-ħidma pastorali tiegħu kien direttur taċ-Ċentru Vokazzjonijiet Djoċesani fejn serva wkoll fil-parroċċa tal-Isla.
Kien ukoll viċi arċipriet tal-parroċċa tar-Rabat u anke rettur tal-kappella tan-Nigret fir-Rabat stess. Fl-2007 nħatar bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Santa Luċija u ħames snin wara nħatar arċipriet tal-parroċċa tal-Isla. Bejn l-2014 u l-2021 kien kappillan tar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul u fl-istess żmien offra l-għajnuna tiegħu fil-parroċċi ta’ Ħal Tarxien u Ħal Safi. Fl-aħħar sena serva wkoll bħala saċerdot fil-parroċċa tal-Gudja u ta’ Ħal Safi.
Il-parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi tiġbor fiha madwar 2,198 persuna.
//= $special ?>