Internazzjonali

L-elezzjoni fi Franza: Macron u Le Pen se jikkontestaw ir-round deċiżiv fl-24 ta’ April

Il-poplu fi Franza ivvota fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża, bl-ewwel exit polls, wara li għalqet il-votazzjoni, jikkonfermaw li l-President Emmanuel Macron u r-rivali kbira tiegħu, Marine Le Pen, se jikkuntestaw it-tieni rawnd deċiżiv tal-elezzjoni fl-24 ta’ April.

Intant, l-exit polls urew li Macron kiseb 28 fil-mija tal-vot kontra t-23 fil-mija għal Le Pen – bir-riżultati jżommu mal-pronostiku li l-ebda kandidat ma kellu jikseb maġġoranza assoluta.

Intant it-turnout ta’ votanti għall-ewwel rawnd tal-votazzjoni kien ta’ erba’ fil-mija anqas minn tal-2017, u meta issa mistenni li ż-żewġ kandidati ewlenin ikomplu bl-isfida biex jaraw min minnhom  għandu jmexxi lil Franza għall-ħames snin li ġejjin.

Emmanuel Macron qed jittama li jsir l-ewwel President Franċiż li jikseb tieni mandat ta’ tmexxija f’dawn l-aħħar 20 sena.

Madankollu, hu jaf li qed jiffaċċja sfida iebsa ħafna minn Le Pen, li fl-aħħar xhur ippruvat tnaqqas mill-element radikali assoċjat mal-Partit tagħha – f’dan il-każ ir-Rally Nazzjonali li qabel kien magħruf bħala l-Front Nazzjonali.

Fil-fatt, id-distakk bejn Macron u Le Pen f’dak li jirrigwarda appoġġ naqas drastikament fl-aħħar jiem, bil-partitarji tal-President Franċiż juru kemm-il darba l-preokkupazzjoni għall-fatt li r-rivali ewlenija ta’ Macron kienet qed iżżid l-appoġġ tagħha ‘il hinn minn Pariġi ( fortizza ta’ Emmanuel Macron) u speċjalment fiz-zoni rurali ta’ Franza.

B’kollox ikkuntestaw għal din l-elezzjoni 12-il kandidat – fosthom erba’ nisa – u fejn Jean-Luc Melenchon, il-politiku veteran tax-xellug, kien qed jitqies bħala ‘it-tielet forza politika’ wara Macron u Le Pen.