Lokali

L-infermieri f’Mater Dei huma eżawsti u għajjenin

Sitwazzjoni mill-aktar prekarja fl-Isptar Mater Dei għal dak li jirrigwarda pazjenti pożittivi għall-Covid-19 hekk kif prattikament f’kull sala hemm pazjenti pożittivi u s-sitwazzjoni qed taħrab minn kull kontroll.

Mhux biss, iżda jidher li daħlet ukoll ċertu laxkezza kif ikunu trattati pazjenti bil-Covid-19 u dan hu rifless ukoll fil-mod kif ikunu trasportati minn sala għall-oħra pazjenti bil-Covid-19. Saħansitra kienu rapportati każijiet fejn pazjenti twasslu fi swali mingħajr ebda teħid ta’ prekawzjoni għal kontra l-imxija tal-virus.

Dan kollu hu riżultat tal-pressjoni kbira li qed ikollhom jaħdmu fiha l-infermieri fejn mhux biss fl-aħħar xhur naqsu sew l-infermieri li jservu fl-Isptar Mater Dei għaliex infermieri jew irriżenjaw jew inkella telqu jaħdmu lil hinn minn xtutna, iżda wkoll għaliex bosta qed jintlaqtu bil-virus Covid-19.

Dan qed iwassal biex fl-isfond ta’ kollox qed tkompli tinħass sew il-kriżi tal-infermieri fl-Isptar Mater Dei bl-għadd ta’ infermieri qiegħed dejjem ikompli jonqos, ix-xogħol qiegħed jiżdied qatigħ u minkejja kollox qed ikunu l-ftit li jkunu xogħol li jkollhom jitgħabbew b’dak kollu li l-ġurnata ġġib quddiemhom… inkluż iż-żidiet fl-għadd ta’ pazjenti.

L-awtortajiet kemm tal-Isptar kif ukoll fid-Dipartiment tas-Saħħa huma konxji minn din is-sitwazzjoni mwiegħra u jafu tajjeb li din hi sitwazzjoni mhux sostenibbli li qed tħalli riżultati diretti kemm fuq il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa kif ukoll fuq l-istess persuni kollha – tobba, infermieri, carers u oħrajn – li jservu fl-Isptar Mater Dei.

L-isfortuna dwar dan kollu hu li l-Ministeru tas-Saħħa ċaħad dawn ir-realtajiet u innega li l-Isptar Mater Dei jinsab f’xi kriżi serja u li l-pazjenti pożittivi bil-Covid-19 huma mferrxa mal-iswali kollha tal-istess sptar.

Paul Pace, il-President tal-Union tal-Infermieri u l-Qwiebel (MUMN), dwar il-pożizzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa ppreċiża li l-istess MUMN qed tirċievi kontinwament ilmenti mill-membri tagħha dwar il-kundizzjonijiet li fihom qed jaħdmu grazzi għan-nuqqas ta’ infermieri u ż-żidiet fil-każijiet ta’ Covid-19.

Żied li fl-Isptar Mater Dei hemm aktar minn 150 pazjent bil-Covid-19 fis-swali u li dawn joħolqu riskju għoli ta’ infezzjoni fl-isptar kollu. Dan ix-xenarju jikkontrasta bil-kbir mal-mod leġġer kif il-Ministeru tas-Saħħa qed jiddeskrivi s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei tant li fil-jiem li għaddew ipprova jnaqqas id-dimensjoni tas-serjetà tas-sitwazzjoni billi jgħid li l-każijiet tal-Covid-19 fl-ITU baqgħu baxxi u li dakinhar – jiġifieri f’jum partikulari – kien hemm ħames persuni biss fit-Taqsima tal-Kura Intensiva li kienu pożittivi bil-Covid-19.

Irrispettivament minn jekk Malta għandhiex l-inqas rata ta’ nies fit-Taqsima tal-Kura Intensiva li huma pożittivi bil-Covid-19, il-verità hi li n-nuqqas ta’ infermieri qed joħloq sitwazzjoni tassew gravi minħabba ammont kbir ta’ infermieri li jinsabu fi kwarantina. Dan qed iwassal biex diversi swali qegħdin b’żewġ jew tliet infermieri biss minflok sitt infermieri.

Tliet swali fl-Isptar kellhom ikunu ddedikati għall-pazjenti bil-Covid-19 u fil-jiem li għaddew l-MUMN ħarġet direttivi biex jiddaħħlu aktar infermieri. L-infermieri qed jirrifjutaw li jaħdmu sigħat żejda anke meta mitluba mit-Tmexxija tal-Isptar.

Paul Pace kkummenta li f’kull sala tal-Isptar Mater Dei qiegħed ikun hemm każijiet ta’ Covid-19 u quddiem dan ix-xenarju serju, il-politika m’għandhiex tkun l-aġenda ta’ xi Ministru tas-Saħħa.

Tajjeb li jkun ippreċiżat ukoll li l-Isptar Mater Dei għandu sitt postijiet li qed jintużaw bħala swali għall-pazjenti bil-Covid-19 iżda dawn jidher li mhumiex biżżejjed. Fost dawn il-postijiet hemm il-kurituri tal-MDH, il-Librerija tal-MDH u l-kantin.

Paul Pace fisser li fl-isfond ta’ dan ix-xenarju ta’ kriżi, tajjeb li jingħad li fil-jiem li għaddew l-MUMN ħeġġet lill-Ministeru għas-Saħħa biex inaqqas l-operazzjonijiet li mhumiex urġenti u biex jaġixxi b’mod responsabbli peress li hemm żieda ta’ Covid-19 fl-Isptar.

Paul Pace, filwaqt li jtenni li fl-Isptar Mater Dei hemm kriżi serja u jeħtieġ li jkunu introdotti immedjatament aktar miżuri restrittivi biex ikun ikkontrollat il-virus, qal li s-sitwazzjoni f’pajjiżna qed tiddeterjora kuljum u li jkollok Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tikkonsla lin-nies billi tgħid li n-numri għad iridu jkomplu jitilgħu mingħajr ma ddaħħal aktar miżuri, juri li l-Prof Charmaine Gauci abdikat mid-dmir tagħha li tissalvagwardja s-saħħa tal-pubbliku.

“Is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei hi waħda serja ħafna u l-virus mhuwiex l-unika problema li qed jiffaċċja l-Isptar. L-influwenza u kundizzjonijiet mediċi oħra wkoll qed ipoġġu pressjoni fuq is-sistema tas-Saħħa.

“Mater Dei jinsab mimli u wasal iż-żmien li jkun ikkunsidrat li jitwaqqfu operazzjonijiet li mhumiex urġenti. Dan hu l-prezz għoli li jrid iħallas il-Malti għal ċerti deċiżjonijiet li ttieħdu. Jekk jitwaqqfu dawn l-operazzjoniijiet, ikun hemm aktar sodod disponibbli għan-numru kbir ta’ każijiet li qed ikun hemm.”

Paul Pace qal li l-union tikkundanna bil-qawwa n-nuqqas ta’ rispett mill-Gvern fil-konfront tal-infermieri u professjonisti oħra tas-saħħa li qed jagħmlu minn kollox biex jippruvaw ilaħħqu mal-influss qawwi ta’ pazjenti ta’ kuljum.

Huma l-istess infermieri u professjonisti fil-qasam tas-saħħa li qed iħallsu prezz għoli talli tħallew jiżdiedu daqstant il-każijiet tal-Covid-19 fl-aħħar ġimgħat, u l-fatt li turisti minn pajjiżi f’riskju għoli, bħar-Renju Unit, tħallew jidħlu f’pajjiżna juri li l-Gvern jinsab b’rasu fir-ramel dwar il-konsegwenzi li se jħabbtu wiċċhom magħhom il-Maltin fil-jiem li ġejjin.

Dwar in-numru kbir ta’ infermieri li jinsabu bis-sick leave jew fi kwarantina, Paul Pace qal li din is-sitwazzjoni qed tkompli żżid il-pressjoni fuq il-ħaddiema. “L-infermieri tagħna jinsabu eżawsti u f’xifer kollass.”

Il-Gvern falla drastikmanet milli jara li l-Isptar Mater Dei ma jkunx mifqugħ bil-pazjenti meta ħa ċerti deċiżjonijiet u ma daħħalx restrizzjonijiet bħalma għamlu l-kumplament tal-pajjizi Ewropej.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, fil-jiem li għaddew il-Kamra tal-Kummerċ uriet it-tħassib serju tagħha għan-nuqqas ta’ infermieri fil-gżejjer Maltin kemm fl-isptarijiet kif ukoll fid-djar tal-anzjani u appellat lill-Gvern biex jiltaqa’ minnufih mas-settur privat tas-saħħa biex tinstab soluzzjoni mill-aktar fis.

Kien spjegat li sal-lum, Malta tilfet ’il fuq minn 600 infermier li marru jaħdmu fir-Renju Unit. Aktar minn hekk, biż-żieda qawwija ta’ każi ġodda pożittivi ta’ Covid-19, numru ta’ residenzi għall-kura u mhux biss, qed iħabbtu wiċċhom ma’ pressjoni bla ebda preċedent… bl-impjegati eżawsti kompletament wara sentejn jissieltu mal-pandemija.

Għaldaqstant qed jiġi propost mill-Kamra tal-Kummerċ biex ikun hemm aktar staff full-time u jingħata aktar sostenn lill-Kunsill tal-Infermiera u Qwiebel biex ikunu jistgħu japprovaw u jħaddmu aktar infermieri barranin b’iżjed ħeffa.

Dan filwaqt li l-ħaddiema barranin ikunu offruti termini ta’ residenza aħjar – prassi li diġà qed tiġi implimentata f’pajjiżi oħrajn Ewropej.

Il-Kamra tal-Kummerċ proponiet ukoll biex il-Gvern joffri aktar inċentivi sabiex dan is-settur jattira aktar infermieri lokali biex jibdew jew saħansitra jirritornaw għal din il-professjoni.

Ta’ min josserva li diversi Care Homes privati mhux biss jipprovdu servizz lil klijenti privati iżda jinsabu wkoll fi ftehim mal-Istat. Minkejja li jipprovdu sodod, li jekk ma jkunx għas-servizz tagħhom ikunu qed jiġu meħuda mill-Isptar Mater Dei, jinsabu f’battalja sħiħa mal-Istat innifsu hekk kif numru ta’ ħaddiema qed jittieħdu mill-privat biex jaħdmu fis-settur pubbliku.

L-uniku assistenza li ngħatat lill-Operaturi tal-Care Homes kienet grant waħda li ngħatat lil dawk il-persuni li kellhom joqogħdu taħt lockdown komplet bejn April u Ġunju tal-2020.