Fr Jimmy Bartolo, Ġiżwita u r-Rettur tal-Kulleġġ San Alwiġi, ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex issa li ż-żjara pastorali tal-Papa Franġisku fil-gżejjer Maltin hi arkivjata, jaqra d-diskorsi li għamel fostna, jifhimhom u jattwahom.
“Għaliex il-Papa Franġisku tul is-60 siegħa li għamel fil-Gżejjer Maltin wassal numru ta’ messaġġi b’saħħithom u qawwija ħafna. B’mod partikulari fil-laqgħa mad-diplomatiċi. B’mod partikulari fil-laqgħa f’Ħal Far mal-Immigranti. U anki fil-laqgħa f’Għawdex u fl-omelija li għamel fil-quddiesa Fuq il-Fosos tal-Furjana.
“F’dawn id-diskorsi l-Papa wassal messaġġi b’ħafna tagħlim importanti li jgħodd għaż-żminijiet li qed ngħixu llum. U dawk it-temi kienu diskussi wkoll magħna l-Ġiżwiti fil-laqgħa ta’ tliet kwarti li kellu magħna. Kienet laqgħa bla aġenda fejn kull min xtaq li jiddiskuti jew jistaqsih xi ħaġa, kellu kull libertà li jagħmel dan.
“Fuq il-kontenut proprju ma nistax nikkummenta għalissa għaliex dak il-kontenut għad irid jinħareġ aktar ’il quddiem, iżda nista’ ngħidlek li dik il-laqgħa mal-familja tal-Ġiżwiti kienet waħda sabiħa ħafna. Għaliex anki l-Papa Franġisku hu Ġiżwita u saħansitra f’pajjiżu – fl-Arġentina – kien jokkupa wkoll il-kariga ta’ Provinċjal tal-Ġiżwiti.
“Papa Franġisku jaħseb b’moħħ Ġiżwita. Papa Franġisku għandu spirtu Ġiżwita u għalhekk f’dik il-laqgħa magħna – kif jagħmel f’kull pajjiż li jżur – ikollu l-opportunità li jaqsam numru ta’ ħsibijiet attwali imma mill-ottika tiegħu ta’ Ġiżwita.”
Fr Jimmy Bartolo fisser li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-poplu Malti u Għawdxi, bi ħġaru u miġbur fil-folol, ċapċap lill-Papa u ħa gost b’din iż-żjara pastorali. Iżda hu importanti li l-poplu Malti u Għawdxi ma jiqafx hawn għaliex hekk jiġri hekk ikun ħasra. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu issa jaqra sew id-diskorsi li għamel il-Papa Franġisku fostna. Jifhem il-messaġġi li għaddielna u, fuq kollox, jattwa dan it-tagħlim fil-prattika.
“Għalija kien hemm messaġġi qawwija ħafna fil-laqgħa li l-Papa Franġisku kellu mad-diplomatiċi fil-Palazz tal-President. L-istess fil-laqgħa li l-Papa kellu mal-immigranti f’Ħal Far. U wkoll fid-diskors li għamel f’Għawdex u li għamel waqt l-omelija Fuq il-Fosos tal-Furjana.
“Jiġifieri dawn kienu diskorsi mimlija bit-tagħlim u mimlija b’messaġġi li jgħoddu mhux biss għan-Nisrani, imma anki għal dawk bi twemmin differenti jew għal min jistqarr li ma jemminx. Dawn kienu messaġġi li wieħed jista’ jgħid li japplikaw mhux biss għalina l-Maltin u l-Għawdxin, imma anki għal popli oħra.
“Il-messaġġi tal-Papa huma validi u attwali għaliex jolqtu l-kwistjonijiet tal-ambjent, tal-korruzzjoni, tal-importanza tal-paċi, tar-rgħiba, tar-rispett u tal-ħarsien tad-dinjità tal-immigranti.
“Inċidentalment kellna f’pajjiżna lill-Papa jitkellem dwar ir-rispett lill-immigranti, iżda fl-istess ħin kellna l-kontradizzjoni ta’ immigranti maqbudin bejn sema u baħar u b’ħajjithom f’riskju kbir!”
Fr Jimmy Bartolo kompla li hu importanti li wieħed jifraħ bil-Papa, iżda mbagħad ma jagħmilx sens li wieħed jgħix f’kontradizzjoni. “Għaliex id-diskorsi tal-Papa huma diskorsi studjati u jekk tkellem dwar l-immigranti ma qalx li għandna nilqgħu lil kulħadd bl-addoċċ għaliex wara kollox aħna pajjiż żgħir bil-limitazzjonijiet tiegħu.
“Iżda fejn hemm in-nies maqbuda bejn sema u ilma m’hemmx diskussjonijiet. Irridu naġixxu minnufih biex insalvaw il-ħajjiet. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu u nies bħalna jispiċċaw fil-qiegħ tal-baħar. Jispiċċaw jintilfu. Imutu għaliex dak li nkunu stajna nagħmlu għalihom ma għamilnihx. Hu fid-dover tagħna bħala pajjiż li fejn nistgħu nsalvaw il-ħajjiet tan-nies, insalvawhom.”
Fr Jimmy Bartolo, filwaqt li enfasizza li hu qed jgħid dan kollu irrispettivament minn min imexxi l-pajjiż u minn min qiegħed fil-gvern illum, enfasizza li ma jistax pajjiżna jkollu l-attitudni tal-konvenjenza. Għalhekk il-Papa tkellem favur il-vulnerabbli u l-batut u li dawn għandhom jiġu minn ta’ quddiem. Għalhekk il-Papa tkellem b’ton ta’ kompassjoni fil-konfront tal-immigranti kollha għaliex kull bniedem għandu l-istorja partikulari tiegħu.
“Dawn huma diskorsi fundamentali li rridu nħarsu, nifhmu u napplikaw f’dak kollu li nkunu qed nagħmlu fil-ħajja tagħna. Dan hu tagħlim li għandu jagħti kasu u jixtarru kulħadd. Mhux in-Nisrani biss. Kulħadd għandu d-doveri tiegħu xi jġorr.”
Fr Jimmy Bartolo kompla li din kienet żjara pastorali li ħalliet ħafna ġid fostna. Il-poplu Malti u Għawdxi laqa’ bi ħġaru lill-Papa Franġisku fostna. Tah merħba kbira mal-wasla tiegħu u kull fejn żar sab tistennih folla kbira ta’ nies issellimlu u ċċapċaplu. U hu wkoll irrikonoxxa l-kwalitajiet ta’ ospitalità tagħna. Irrikonoxxa x’poplu aħna u kemm-il Maltin huma ta’ qalb kbira.
“Nemmen li din hi żjara pastorali li saħħet lill-poplu Malti u Għawdxi fil-fidi tiegħu. Il-kuntatt dirett tal-Papa man-nies. Il-kuntatt viċin tal-Papa man-nies. L-espressjonijiet tiegħu. Id-dieqa minħabba t-tbatijiet fil-laqgħa mal-vulnerabbli. L-espressjoni ta’ wiċċ mixgħul hekk kif iltaqa’ mal-immigranti. U dan kollu minkejja programm imballat, ta’ Papa li għandu aktar minn 85 sena, ta’ Papa li jbati mix-xatka,” temm Fr Jimmy Bartolo.
//= $special ?>