Futbol Sport

Manchester City iżommu l-punt vantaġġ fuq Liverpool wara draw eċċitanti fl-Etihad Stadium

(Ritratt: EPA)

Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, kienu miżmuma fi draw, 2-2, minn Liverpool fl-Etihad Stadium u għal riżultat li jikkonferma l-punt vantaġġ tas-Citizens f’ras il-klassifika – bir-Reds ta’ Jurgen Klopp ikomplu jittamaw f’żelqa mil-liders meta jonqos biss seba’ logħbiet għat-tmiem tal-kampjonat. Il-‘buildup’ għal din il-logħba kien tremend fl-aħħar ġranet u l-konfront żgur li ma ddiżappuntax lid-dilettanti tal-futbol Ingliż b’ħafna logħob veloċi u tentattivi perikolużi fuq il-lasti ta’ Alisson u Ederson tul id-90 minuta. Man City ma setgħux kellhom bidu aħjar, b’Kevin de Bruyne – il-plejer tal-logħba indiskutibbli – isib ir-rokna tax-xibka war biss ħames minuti, bil-ballun jieħu ‘deflection’ ma’ sieq id-difensur Joel Matip qabel spiċċa ġewwa.

Ir-reazzjoni tar-Reds kienet immedjata – u effettiva – bi Diogo Jota (13) jiżgiċċa lid-difiża avversarja fuq l-assist ta’ Trent Alexander-Arnold biex jagħmel l-iskor 1-1. Il-kumplament tal-ewwel taqsima rat assedju minn City fuq il-lasta ta’ Alisson Becker, bit-tim ta’ Pep Guardiola jerġa’ imur fil-vantaġġ minn Gabriel Jesus (36) li approfitta mill-marking ħażin ta’ Akexander-Arnold biex isammar ġewwa mill-viċin. Dritt wara l-mistrieħ kien hemm żblokk ġdid fir-riżultat, b’Liverpool jiksbu parità minn Sadio Mane – b’dan il-gowl jasal 45 sekonda wara l-bidu tat-tieni taqsima. L-azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti ma naqsux, b’Raheem Sterling jara l-‘gowl’ tiegħu imħassar mill-VAR wara li kien spiċċa millimetrikament offside fuq l-azzjoni ta’ Bernardo Silva. U fil-ħin miżjud, City tilfu ċans kbir ieħor li jiksbu t-tliet punti meta s-sostitut Mahrez ipprova ‘chip’ minn fuq Alisson wara t-through-ball perfett ta’ de Bruyne – u bil-ballun jgħaddi metru ‘il fuq mil-lasta. Intant, Manchester City y Liverpool se jerġgħu jiltaqgħu fl-aħħar tal-ġimgħa meta jilgħabu kontra xulxin fil-finali tal-FA Cup, f’Wembley Stadium.

Norwich City, li jinsabu l-aħħar fil-Premier Ingliż, stimolaw iċ-ċansijiet żgħar li jevitaw ritorn f’The Championship wara sena waħda biss mal-kbar, b’rebħa tajba, 2-0, fuq Burnley f’Carrow Road. Il-konfront kien ‘six-pointer’ tipiku fin-naħa t’isfel tal-klassfika, bi Pierre Lees-Melou jiftaħ l-iskor għall-Canaries wara biss disa’ minuti – b’dan il-gowl ikun anki l-ewwel wieħed għal dan il-plajer mindu ngħaqad ( matul is-sajf) ma’ Norwich mingħand il-klabb Franċiż ta’ Nice. Ir-reazzjoni ta’ Burnley – li kienu friski mir-rebħa fuq Everton ftit tal-jiem ilu – ftit ħalliet frott, b’Maxwell Cornet ifalli ċans kbir għad-dro minn quddiem il-lasta. Intant, Norwich komplew jiddefendu l-vantaġġ minimu u erba’ minuti mit-tmiem, huma għalqu kull diskors meta l-attakkant Finlandiż Teemu Pukki għeleb għat-tieni darba lil Pope fil-lasta tal-Clarets. B’din it-telfa, Burnley jinsabu t-tmintax fil-klassifika, b’distakk ta’ erba’ punti ma’ Everton — ir-raba’ tim mill-aħħar – u meta l-Clarets fadlilhom tmien logħbiet biex isalvaw l-istatus tagħhom fl-ogħla diviżjoni.

Brentford komplew iserrħu rashom mir-relegation b’rebħa, 2-0, fuq West Ham United fid-derby ta’ Londra. L-ewwel taqsima kienet pjuttost nieqsa mill-azzjonijiet iżda wara l-mistrieħ l-Bees marru fil-vantaġġ meta Bryan Mbeumo (48) irċieva mingħand Ivan Toney biex spara ġewwa. Imbagħad kien imiss lil Mbeumo li jipprovdi assist perfett għal Toney biex jegħleb lil Fabianski bir-ras, fl-64 minuta. It-telfa hi daqqa ta’ ħarta kbira għal West Ham li wkoll qed jittamaw f’post mat-Top 4 tal-Premier League u meta huma, issa, jinsabu sitt punti wara Tottenham wara li lagħbu logħba aktar minn Spurs.

Leicester City komplew bil-forma tajba b’rebħa, 2-1, fuq Crystal Palace fil-King Power Stadium. L-ewwel gowl wasal minn Ademola Lookman (39) li rċeiva mingħand Kiernan Dewsbury-Hall u għeleb lil Guaita fil-lasta ta’ Palace. Il-Foxes imbagħad irduppjaw minn Dewsbury-Hall sekondi qabel il-mistrieħ, bil-midfielder ta’ Leicester isib ir-rokna tax-xibka b’xutt qawwi fuq l-assist ta’ Maddison. F’nofs it-tieni taqsima, Palace rebħu penalty għall-fawl ta’ Tielemans fuq Jordan Ayew, b’Wilfried Zaha ifalli mill-ħdax-il metru u bir-referi jordna ‘retake’ minħabba li d-difensur ta’ Leicester Caglar Soyuncu kien daħal fil-kaxxa fil-ħin tax-xutt. Intant, il-gowlkiper Schmeichel mill-ġdid salva t-tieni penalty, iżda Zaha kien pront biex jitfa’ ġewwa bir-ras għal 2-1 – bl-iskor jibqa’ l-istess sal-aħħar.