Chris Cassar
Marsaxlokk u Pieta’ kisbu r-rebħiet li kellhom bżonn biex kisbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier fejn ingħaqdu mar-rebbieħa taż-żewġ sezzjonijiet Żebbuġ Rangers u Pembroke Athleta.
Marsaxlokk ftit sabu problemi biex kisbu dak li riedu kontra Vittoriosa f’rebħa bi sko tennistiku ta’ 6-0, filwaqt li iktar impenjattiva kienet il-logħba ta’ Pieta’ li għelbu lil Swieiq 3-1.
Marsaxlokk riedu bilfors ir-rebħa mil-logħba tagħhom kontra Vittoriosa u ma tantx damu biex serrħu rashom mir-rebħa għaliex Terence Vella poġġihom fil-vantaġġ wara erba’ minuti. Ftit wara bdiet il-wirja ta’ Xuan Cappellino li skorja hat trick ilbieraħ bl-ewel gowl tiegħu jasal fit-12-il minuta.
Sal-intervall Marsaxlokk kienu erba’ gowls minn fuq fejn Xuan Cappellino għaqqad il-hat trick meta skorja żewġ gowls oħra fid-29 minuta u fl-34 minuta.
Fit-tieni taqsima Marsaxlokk żiedu żewġ gowls oħra permezz ta’ Peter Paul Sammut fit-68 minuta u sitt minuti wara Walter Serrano temm il-festival tal-gowls bis-sitt u l-aħħar gowl.
F’logħba oħra minn sezzjoni A, ir-rebbieħa tas-sezzjoni Pembroke temmew l-impenji tagħhom b’rebħa minima 1-0 fuq Naxxar Lions biex b’hekk baqgħu mhux megħluba s’issa f’dan l-istaġun u issa jimmiraw li jirbħu t-titlu meta fid-decider jilagħbu kontra Żebbuġ Rangers.
Il-gowl rebbieħ ta’ Pembroke kien skorjat minn Weverton Gomes fit-58 minuta.
Minn sezzjoni B, Pieta għelbu lil Swieqi 3-1 biex kisbu post fil-kampjonat Premier staġun ieħor. Daniel Zerafa u Abdeen Abdul taw vantaġġ doppju lil Pieta sal-intervall iżda fil-65 minuta Swieqi reġgħu daħlu fil-logħba b’gowl ta’ Johan Castano. Ir-riżultat baqa’ nċert sal-aħħar battuti iżda fl-94 minuta Paul Lapira ssiġilla l-promozzjoni bit-tielet gowl għal Pieta’.
Fil-logħba l-oħra Tarxien għelbu lil Fgura bit-tama li Pieta jfallu, biex b’hekk fl-aħħar ir-rebħa tar-Rainbows kienet rebħa inutli. Tarxien skorjaw tliet darbiet fl-ewwel 13-il minuta b’doppjetta ta’ Wellington de Oliveira, bl-ewwel gowl ikun gowl tal-istampi, u fit-13-il minuta kien Saturday Nanapere li skora t-tielet gowl. Fis-37 minuta Fgura naqqsu l-iskor b’daqqa ta’ ras sabiħa ta’ Jeremy Micallef.
