Minkejja li Milan kellhom aktar pussess, rari impenjaw serjament lil Berisha u fl-istess waqt naqsu milli japprofittaw mit-telfa li aktar qabel Napoli sofrew kontra Fiorentina. Bil-punt miksub żammew żewġ punti vantagg fuq Inter u Napoli rispettivament iżda Inter lgħabu partita anqas. Matul l-ewwel taqsima fl-unika okkażjoni denja għal Milan, fl-24 minuta Etrit Berisha salva tajjeb fuq Calabria. L-istess andament matul it-tieni taqsima bid-differenza li l-aħjar save wasal minn Maignan li fil-50 minuta salva t-tentattiv ta’ Vojvoda. Fl-74 minuta kien mill-ġdid Berisha li salva fuq Tonali f’waħda mill-azzjonijiet iżolati ta’ Milan.
Napoli sofrew daqqa ta’ ħarta fit-tentattiv tagħhom li jirbħu s-Serie A meta kienu megħluba 3-2 minn Fiorentina. Nicolas Gonzalez poġġa lil Fiorentina fil-vantaġġ wara 29 minuta. Dries Mertens ġab l-iskor indaqs fit-58 minuta. Żewġ gowls ta’ Jonathan Ikone u Arthur Cabral taw vantaġġ doppju lil Fiorentina b’gowl ta’ Victor Osimhen lejn it-tmiem jagħmel l-iskor finali 3-2.
Roma għelbu lil Salernitana bl-iskor ta’ 2-1. Id-difiża ta’ Salernitana żammet biss sat-80 minuta fil-mument li Roma kisbu l-gowl tad-draw u minuti wara l-gowl tar-rebħa. Partita bi 12 il-plejer ammonit tmienja minnhom ta’Salernitana. Dominju assolut minn Roma matul l-ewwel fażi tal-partita. Madankollu kontra x-xejra tal-logħob fit-22 minuta Salernitana marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Franck Ribery kien Ivan Radovanovic li għeleb lil Rui Patricio. 1 – 0 sa tmiem l-ewwel taqsima. Il-pressjoni ta’ Roma matul it-tieni taqsima kienet kontinwa fejn saħansitra kellhom mas-70% pussess. Minkejja dan kellhom jistennew sal-81 minuta biex jiksbu l-gowl tad-draw. Minn azzjoni ta’ Henrikh Mkhitarjan kien Carles Perez li għeleb lil Luigi Sepe għal 1 – 1 . Roma żiedu l-pressjoni tant li fil-85 minuta skorjaw il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Chris Smalling minn azzjoni ta’ Jordan Veretout.
//= $special ?>