Futbol Sport

Sliema Wanderers relegati mill-ogħla diviżjoni wara 39 sena

(Ritratt: Valletta Football Club)

Matthias Mizzi

VALLETTA………………………..3

SLIEMA WANDERERS…….1

Valletta: A. Guarnone, J. Borg, T. Caruana, M. Sansone, E. Pena Beltre (C. Gauci 78’), E. Promise (A. Zammit 87’), I. Curjuric (S. Dimech 87’), R. Muscat, E. Sala, C. Prado (K. Tulimieri 57’), M. Fontanella (H. Dilevar 87’)

Sliema W.: R. Al Tumi, J. Morales, J. Mintoff (M.Beerman 84’), I. Gui (G. Aquilina 57’), E. Agius, J. Engerer ( M. Davis 57’), M. Piciollo (O. Elouni 82’), O. Linton, C. Goncalves, D. Vukovic, V. Berisha (J. Farrugia 57’)

Imwissija: V. Berisha 50’, E. Pena Beltre 65’, K. Tulimieri 74’, O. Linton 77’, E. Sala 82’

Skorjaw: M. Fontanella 14’, K. Tulimieri 74’ O. Linton 77’,  E. Sala 82’

Referee: Andrea Sciriha

Assistenti Referees: Roberto Vella & Mark Ciantar

Il-Mument Plejer tal-Logħba: Mario Fontanella (Valletta)

BOV Plejer tal-logħba: Ivan Curjuric (Valletta)

Bi tliet partiti għal tmiem il-kampjonat din it-telfa kontra Valletta matematikament tikkundanna lil wieħed mill-aktar timijiet glorjużi f’Malta għall-BOV Challenge League. L-uniku u l-aħħar darba li Sliema ġew relegati kien fl-istaġun 1982/83 meta Sliema sfaw megħluba minn Hibernians bil-gowl deċiżiv jasal fl-aħħar minuta.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet fit-13-il minuta minn xutt minn barra l-kaxxa ta’ Rowen Muscat li Rashed Al Tumi dawwar f’corner. Minuta biss wara Valletta fetħu l-iskor meta Mario Fontanella ppenetra lid-difiża b’ġirja veloċi, qabeż lil Al Tumi u b’kalma xeħet il-ballun f’lasta vojta. Ir-ritmu fil-kumplament ta’ din it-taqsima kompla f’wieħed kalm sakemm qabel il-mistrieħ pass preċiż ta’ Inter Gui ħoloq periklu lill-goalkeeper Alessandro Guarnone sakemm id-difiża għarfet tikklearja.

Fit-tieni taqsima, proprju mas-siegħa logħob minn taħt il-last is-solitu Mario Fontanella għamel l-impossibli, b’konkulużjoni li setgħet faċilment tefgħet lit-tim tiegħu f’pożizzjoni aktar komda għall-kumplament tal-partita. Kwarta wara, il-Beltin rdoppjaw l-iskor meta waħdu fil-kaxxa ż-żgħira s-sostitut Kevin Tulimieri tefa’ l-ballun fix-xibka mingħajr wisq diffikultà. Għaddew biss tliet minuti u s-Slimiżi wieġbu b’daqqa ta’ ras ta’ Oscar Linton li wasslet għall-gowl. Fit-82 minuta żball difensiv ta’ Sliema waqt corner wassal għall-gowl meta l-Albaniż Eslit Sala ħataf l-opportunità u b’daqqa ta’ ras ikkonkluda fix-xibka.