Raġel ta’32 sena mill-Mali ġie kundannat 18-il xahar ħabs mill-Maġisrat Charmaine Galea wara li ammetta li nhar is-Sibt li għadda huwa kkommetta serq ta’ diversi oġġetti u flus kontanti minn żewġ karozzi li kienu pparkjati f’Raħal Ġdid. Baba Bah ammetta li seraq basket, portmoni, flus kontanti, nuċċali u xi dokumenti minn karozza tal-marka Toyota, liema serq huwa ta’ anqas minn €2,333.
Huwa ammetta wkoll li seraq minn vann Ford Transit li kien ipparkjat fi Triq il-Qalb ta’ Ġesù u li minn ġewwa fih seraq diversi oġġetti li jinkludu mobile u li l-valur tagħhom ma jeċċeddiex is-somma ta’ €2,333. Bah ammetta li wettaq dawn ir-reati meta kien bil-libertà kundizzjonata fuq każijiet oħra u li sar reċidiv. Minbarra l-piena ta’ 18-il xahar ħabs il-Qorti estendietlu il-perjodu ta’ probation għal tliet snin.
Kienu għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar ta’ nhar is-Sibt li għadda li ntalbet l-assistenza tal-Pulizija mill-RIU fi Triq Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid fejn malli waslu fil-post l-uffiċjali sabu mara li qaltilhom li kienet għadha kemm ġiet misruqa minn żewġ persuni.
Ftit wara li bdew it-tfittxija tagħhom fl-akwati l-Pulizija lemħu wieħed mill-irġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatatilhom. Minnufih, malli ra lill-uffiċjali huwa ħarab jiġri, madanakollu ġie arrestat mill-ewwel u wara li saret tfittxija fuqu instabu affarijiet u dokumenti tal-vittma. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sarah Zerafa filwaqt li għal Bah deher l-Avukat Joe Bonnici.
//= $special ?>