Lokali

ESKLUSSIVA: Testijiet tad-DNA jikkonfermaw li l-vittma li nstab f’Ħal Qormi hu Mario Farrugia

Investigazzjonijiet diffiċli biex tkun stabbilita d-dinamika tal-qtil

Net News jista’ jikkonferma li l-katavru li nstab il-ġimgħa li għaddiet f’karozza fil-wied ta’ Ħal Qormi huwa ta’ Mario Farrugia – ir-raġel li kien ilu numru ta’ ġranet rappurtat nieqes. Din l-informazzjoni waslet għandna minn sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Jidher li l-familja ta’ Farrugia ġiet infurmata li t-testijiet tad-DNA li saru ftit tal-jiem ilu kkonfermaw l-indentità tar-raġel. Fil-fatt, kien l-avukat tal-familja li infurmhom b’dan l-iżvilupp importanti.

Mario Farrugia kien persuna li l-uniku membru tal-familja li fadallu huwa ħuh, u kien għalhekk li hu ġie mitlub jagħmel id-DNA ħalli dan jitqabbel ma’ dak tal-vittma. U fil-fatt, id-DNA qabel.

Issa, il-familja qed tistenna kif se jkomplu l-investigazzjonijiet minn naħa tal-Pulizija u x’inhuma x-xenarji possibbli li qed jiġu studjati b’rabta ma’ dan l-omiċidju.

Il-katavru ta’ Mario Farrugia kien instab maqful fil-bagoll tat-taxi li kien juża hu stess. Is-sejba kienet saret f’Ħal Qormi, wara li persuna innutat riħa qawwija ħierġa minn din il-karozza.

Farrugia inqatel b’daqqiet ta’ sikkina f’sidru illi kienu fatali, u b’kollox fuq il-katavru instabu mal-40 daqqa.

Il-vittma kellu 62 sena, u kien jgħix Pembroke.

Dwar il-każ għaddeja inkjesta immexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella.