Internazzjonali

Franza: Macron jirranka l-kampanja waqt li jilqa’ l-isfida ta’ Le Pen

Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, mhux jitlef iż-żmien biex jirranka mill-ġdid il-kampanja elettorali tiegħu wara li ħareġ bħala l-aħjar kandidat fl-ewwel rawnd tal-votazzjoni għall-Presidenza Franċiża.

Qabel il-vot tal-Ħadd, Macron kien dam biex jimpenja ruħu mija-fil-mija għall-kampanja elettorali minħabba li kien impenjat sew fl-isforzi diplomatiċi (internazzjonali) intiżi għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.

Iżda issa, hu qed jipprova ipatti għaż-‘żmien mitluf’ filwaqt li jilqa’ għall-isfida ta’ Marine Le Pen, il-Kap tal-Partit Rally Nazzjonali tal-lemin estrem, li ħarġet mill-ewwel rawnd tal-elezzjoni bħala t-tieni l-aktar kandidat b’saħħitha.

Kollox  jindika li t-tieni rawnd deċiżiv tal-elezzjoni għall-Presidenza Franċiża ( li se jsir fl-24 ta’ April) għandu jkun missielet għall-aħħar bejn dawn iż-żewġ kandidati ewlenin. Madankollu, il-Franċiżi li vvutaw lill-kandidat estremista tax-xellug, Jean-Luc Melenchon — li spiċċa ftit wara Le Pen fit-tielet post –, kapaċi jiddeċiedu r-rawnd finali tal-elezzjoni jekk kemm-il darba joħorġu mill-ġdid biex jivvutaw għal xi ħadd minn Macron jew Marine Le Pen.

Melenchon, sadanittant, għażel li jaddotta pożizzjoni ftit jew wisq ambigwa, fejn wissa lis-sostenituri tiegħu biex ma jagħtux imqar vot wieħed lil Marine Le Pen, waqt li, fl-istess ħin, ma lissen l-ebda kelma ta’ appoġġ għall-President Macron.

Fl-aħħar sigħat, Emmanuel Macron kien għaddej bi programm intensiv ta’ attivitajiet politiċi li kienu jinkludu żjara f’Denain, waħda mill-ifqar bliet industrijali fi Franza u meqjusa bħala fortizza ta’ Marine le Pen. Dan meta hu qed jirrepeti li ‘xejn, għalissa, mhu deċiż’ – bis-sostenituri ta’ Le Pen qegħdin jidhru fiduċjużi fil-kandidat tagħhom minkejja li l-appoġġ tagħha fl-ewwel rawnd ( 23 fil-mija tal-vot) kien anqas minn ta’ Macron (b’27.84 fil-mija).

Il-kampanja ta’ Le Pen, intant, qed tikkonċentra fuq l-għoli tal-ħajja bħala problema li qed taffettwa lill-maġġoranza tal-Franċiżi. U waqt li Franza qed tavviċina l-jum deċiżiv tal-elezzjoni, il-Ministru għall-Intern ta’ Franza, Gerald Darmanin, ammetta li ‘il-Gvern ( ta’ Macron) mhux  jisma’ biżżejjed l-ilmenti tat-38 miljun Franċiżi li qed jaqilgħu anqas minn 2,000 ewro fix-xahar’.