Lokali

Għada jkun iffurmat il-Grupp Parlamentari tal-PN

Indikazzjonijiet li l-Parlament jiftaħ fis-7 ta’ Mejju – mhux ċar min se jkun Speaker tal-Kamra

It-Tlieta filgħaxija mistenni jitlaqqa l-Grupp Parlamentari sħiħ tal-Partit Nazzjonalista li se jkun qiegħed jirrapreżenta leħen il-poplu Malti u Għawdxi fl-erbatax-il leġiżlatura mill-Indipendenza ‘l hawn.

L-elezzjonijiet każwali tal-Partit Nazzjonalista se jsiru kmieni filghodu fic-Centru tal-Ghadd tal-Voti fin-Naxxar…. fejn se jkunu eletti 7 Membri Parlamentari ohra f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Huma se jkunu eletti fis-siġġijiet li ċedew il-Kap tal-PN Bernard Grech, il-Viċi Kap Robert Arrigo, u d-deputati Stephen Spiteri, Ryan Callus, Adrian Delia, Joe Giglio u Mark Anthony Sammut… hekk kif dawn kienu eletti minn fuq żewġ distretti u ċedew id-distrett li fih ġabu l-inqas first-count votes, kif jitlob l-istatut tal-PN.

Id-distretti li fihom se jimtlew is-siġġijiet huma 5  – għaliex filwaqt li se ssir elezzjoni każwali fuq il-5, it-3 u l-10 distrett, se jimtlew żewġ siġġijiet fuq is-7 u d-9 distrett.

Din id-darba l-PN se jkollu preżenza akbar ta’ rappreżentanti min-Nofsinhar ta’ Malta – hekk kif għall-ewwel darba l-Partit Nazzjonalista se jkollu 3 rapprezentanti eletti mit-tielet distrett wara d-deċiżjoni li ħadet l-kandidata Janice Chetcuti li ma tikkontestax l-elezzjonijiet każwali u minflok titla fil-Parlament permezz tal-mekkaniżmu tal-ġeneru – mekkaniżmu li se joffri lill-Partit Nazzjonalista 6 rappreżentanti nisa oħra, apparti s-7 kandidati mill-by-elections. Għaldaqstant sat-Tlieta filgħaxija, l-Partit Nazzjonalista se jkollu 13-il membru parlamentari  oħra.

Intant, sorsi qrib il-ġurnal Times of Malta spjegaw li l-Parlament Malti mistenni jiftaħ uffiċjalment fis-7 ta’ Mejju….madwar sitt ġimgħat wara l-Elezzjoni Ġenerali – bl-aħħar seduta tat-13-il leġiżlatura kienet fil-21 ta’ Frar, jum wara li Abela ħabbar id-data tal-elezzjoni fuq il-Fosos tal-Furjana.

Fl-ewwel seduta mistenni jinħatar l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati – madanakollu s’issa għad m’hemm xejn ċar dwar min se jkollu din il-pożizzjoni fil-leġiżlatura li jmiss.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ mistennija tkun indirizzata b’ diskors mill-President ta’ Malta George Vella.