Lokali

Il-Gvern għadu ma jafx kif se jitħaddem il-mekkaniżmu l-ġdid kontra l-għoli tal-ħajja

Minkejja l-wegħda tal-Gvern – fil-Budget għal din is-sena – li joħloq mekkaniżmu ġdid biex jgħin lill-Maltin u l-Għawdxin kontra l-għoli tal-ħajja, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana kkonferma li għadhom ma jafux kif dan se jitħaddem.

Mistoqsi minn NET News għaliex – minkejja li ninsabu fir-raba’ xahar tas-sena – il-Gvern għadu fil-muta dwar dan il-mekkaniżmu, Clyde Caruana qal li għadu qed jistenna lill-imsieħba soċjali jippreżentawlu l-proposti u l-pożizzjoni tagħhom.

Fil-verità, il-Gvern ħela xahar u nofs bl-ogħla uffiċjali fil-Ministeri jikkampanjaw għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li jaħdmu magħhom u għalhekk, xogħol importanti li kellu jsir baqa’ fuq l-ixkaffa.

F’paġna 35 tad-Diskors tal-Budget għal din is-sena – moqri mill-Ministru Clyde Caruana nnifsu – ingħad li d-diskussjonijiet għal dan il-mekkaniżmu l-ġdid kellu jibda fil-jiem ta’ wara.

Madankollu, il-Budget inqara fil-11 ta’ Ottubru li għadda – jiġifieri sitt xhur ilu – u għaddew erba’ xhur mill-2022, iżda jidher li l-Gvern ta’ Robert Abela għadu lanqas biss ra d-dokumenti li xi unions diġà għaddewlu.

Barra minhekk, hu stess ikkonferma li l-ewwel laqgħa saret fi Frar, jiġifieri xahar biss qabel l-elezzjoni ġenerali. U għax il-Gvern għad m’għandux idea dwar il-ħidma ta’ dan il-mekkaniżmu ġdid, il-Ministru tal-Finanzi ma riedx jikkommetti terminu meta dan se jitħabbar. Minflok, qalilna biss li se jkun pubbliku sal-Budget li ġej.

Min-naħa l-oħra, Clyde Caruana pprova jistaħba wkoll wara l-iskuża li l-Kabinett għadu kif ħa postu. Madankollu, ma għamel l-ebda referenza għall-fatt li hu stess kien diġà Ministru tal-Finanzi qabel l-elezzjoni ġenerali.

U sadanittant, minkejja li ta’ kuljum qed johrog dejjem aktar kif il-prezzijiet ta’ prodott bażiċi qed jogħlew, il-poplu għadu qed jingħata biss zieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa.