Il-qawwiet tar-Russja fl-aħħar sigħat komplew jirtiraw mill-periferiji ta’ Kiev iżda l-ġranet li jmiss għandhom jiftħu s-siparju fuq fażi ġdida – u x’aktarx li deċiżiva – tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dan waqt li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, sostna li r-Russja qed torganizza mill-ġdid għexieren tal-eluf ta’ suldati għal offensiva ġdida fuq ir-reġjuni Ukreni tal-Lvant fejn hemm ukoll preżenza sinifikanti ta’ ġellieda separatisti li qed jappoġġjaw lil Moska.
U l-istess bħalma seħħ qabel l-invażjoni tal-Ukrajna, qegħdin jispikkaw il-movimenti tat-truppi u tagħmir tal-gwerra tar-Russi mill-Belarus, li jaqsam fruntiera mal-Ukrajna u ilu s-snin alleat tar-Russja.
Għaldaqstant, il-jiem li jmiss mistennija jwasslu għal aktar battalji tal-art bejn it-truppi tal-Kremlin u d-difensuri Ukreni iżda din il-fażi tal-gwerra – l-istess bħal ta’ qabilgha – żgur mhix se tkun faċli għall-qawwiet Russi.
Dan meta s-suldati Ukreni fir-reġjuni tal-Lvant, b’mod partikulari r-reġjun tad-Donbas, għandhom sistemi ta’ difiżi fortifikati għall-aħħar, bl-istess truppi – kuntrarju għall-eluf tas-suldati Russi bil-lieva – għandhom esperjenza kbira ta’ gwerra li tmur lura għall-2014…Gwerra li fiha l-militar tal-Gvern Ukren iġġieled kontinwament kontra s-separatisti li huma ‘estensjoni tal-Kremlin’ u li ngħataw ħafna appoġġ militari mill-President tar-Russja Vladimir Putin.
//= $special ?>

