Il-Gvernatur tar-reġjun ta’ Luhansk, lejn il-lvant tal-Ukrajna, ħeġġeġ biex ir-residenti jaħarbu mill-inħawi mill-aktar fis ‘biex ma jinqabdux fl-eqqel tal- gwerra’.
Dan meta l-Kremlin tal-President Russu, Vladimir Putin, qed jaħseb biex jiftaħ fażi ġdida tal-konflitt fl-artijiet tad-Donbas fejn numru ta’ zoni ilhom mill-2014 taħt il-kontroll tas-separatisti armati li qed jappoġġjaw lil Moska.
Intant, il-Gvernatur Serhiy Gaidai qal li r-Russja qed iżżid il-bumbardamenti fil-madwar ta’ Luhansk u li l-periklu sar ‘aktar akut’ għar-residenti li għad fadal fl-inħawi.
Meta kellem lill-media dwar is-sitwazzjoni, Gaidai għamilha ċara li r-Russja għadha qed torganizza l-qawwiet tagħha għal offensiva kbira fuq Luhansk u nħawi oħra fir-reġjun tad-Donbas.
Għaldaqstant, Moska ‘qed tagħmel l-intenzjonijiet tagħha ċari b’din l-ispinta ta’ bumbardamenti fuq l-inħawi’, sostna l-Gvernatur.
U filwaqt li għad fadal numru sinifikanti ta’ ċivili fir-residenzi madwar Luhansk, żdiedu wkoll is-sejħiet għall-evakwazzjoni tal-familji mir-reġjun.
Dan waqt li l-President Russu, Vladimir Putin, qed jinsisti bl-ambizzjonijiet biex jaħtaf ir-reġjun tal-Lvant sħiħ tal-Ukrajna – l-istess bħalma kien għamel bil-Krimea fl-2014 u bħala objettiv prinċipali tal-invażjoni (tal-Ukrajna) li ilha għaddejja mill-24 ta’ Frar.
//= $special ?>