Lokali

Il-prezzijiet tal-ikel jinsabu fl-għola livelli

Il-prezzijiet tal-ikel jinsabu fl-ogħla livelli tagħhom sa mil-1990.

Hekk ikkonferma l-ġurnal tal-GWU l-għada li s-Segretarju Ġenerali tal-istess union, Josef Bugeja, kien ikkwotat minn gazzetta lokali jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-isfidi li qed iġġib magħha l-għoli tal-ħajja.

Fil-fatt, Bugeja qal li l-union li jmexxi tinsab inkwetata sew fuq din il-kwistjoni, tant li se tkun qed titlob laqgħat mal-Prim Ministru Robert Abela, f’indikazzjoni ċara min-naħa tiegħu li l-Gvern għandu jindirizza aħjar l-għoli tal-ħajja.

Issa, il-ġurnal tal-GWU kkwota rapport tal-FAO…l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Ikel u l-Agrikoltura … illi wera kif l-aktar prodotti milqutin minn żieda fil-prezzijiet huma ċ-ċereali u l-laħam.

Skont l-FAO, il-prezzijiet tal-ikel għolew bi 17.9 punti perċentwali minn Frar għal arzu, filwaqt li l-prezz tal-qamħ għola bi 19.7 fil-mija fl-aħħar xahar.

Ir-rapport juri wkoll kif żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti oħrajn tal-ikel, bħaz-zokkor li żdied b’6.7 fil-mija, il-laħam b’4.8 fil-mija u l-prodotti tal-ħalib bi 2.6 fil-mija.

F’din l-aħħar kategorija ta’ prodotti, għalkemm iż-żieda fil-prezzijiet tista’ titqies bħala waħda żgħira meta mqabbla bejn Frar u Marzu, l-FAO tinnota kif, meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena li għaddiet, il-prezzijiet għolew bi 23.6 fil-mija.