Lokali Saħħa

Is-servizz tal-kura fil-qasam tas-Saħħa jitjieb biss billi ninvestu sew fir-riżorsi umani u l-professjonijiet – PN

Il-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnota li xahar wara l-ieħor qed jonqos dejjem in-numru ta’ infermiera li jaħdmu fl-isptarijiet pubbliċi. L-istatistika rrappurtata mill-ġurnal ‘The Times’ għandha tħasseb lil kulħadd. Fl-2021 “rriżenjaw 120 infermiera li jaħdmu Mater Dei” u fi kliem l-Unjin tal-Infermiera – MUMN “is-sitwazzjoni hija ta’ disprament”.

Filwaqt li Malta toffri kura tas-saħħa tajba ħafna grazzi għall-impenn tal-professjonisti, il-Gvern ma jistax jibqa’ jiċħad it-twissijiet ta’ kuljum mir-rappreżentanti tal-ħaddiema u jitfa’ l-problemi taħt it-tapit b’detriment għall-ħaddiema nfushom u l-pazjenti.

Il-Partit Nazzjonalista jsostni li Malta trid tinvesti iktar biex issir iktar attraenti għall-ħaddiema, u mhux Maltin li jagħżlu l-professjoni tas-saħħa u jibqgħu jagħtu servizz fit-tul.

L-investiment short-term u management by crisis żgur m’humiex sistemi effiċjenti ta’ kif  nistgħu ntejbu is-servizz tas-saħħa; li mhux biss qed jaffaċċja sfidi kbar minħabba l-pandemija iżda wkoll pressjoni kontinwa minn popolazzjoni dejjem tikber fil-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ solidali mal-infermiera u l-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa u jħeġġeġ lill-Gvern biex mill-wegħdi elettorali jgħaddi għall-azzjoni mil-lum biex jgħin tittaffa din il-problema.