Lokali Qorti

Miċħuda talba oħra biex Yorgen Fenech jingħata l-pleġġ

Il-Qorti Kriminali ċaħdet talba oħra għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech. Fenech, eks direttur tal-konsorzju Electrogas, li jinsab akkużat fuq allegat rwol fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017. Fenech ilu jinżamm arrestat minn mindu tressaq il-Qorti f’Novembru 2019.

F’seduta li saret il-ġimgħa li għaddiet il-Qorti semgħet lill-ispettur tal-pulizija Kevin Pulis, omm Yorgen Fenech, Patricia Fenech u uffiċjal mis-CCF jixhdu wara li ġew imħarrka mid-difiża biex jappoġġjaw it-talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Imħallef Edwina Grima kienet aġġornat is-seduta biex tingħata deċiżjoni mis-sigrieta tagħha.

F’deċiżjoni mogħtija t-Tnej, l-Imħallef Grima ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda bidla fiċ-ċirkostanzi li fihom il-qorti kienet tat f’sentenza simili fi Frar li għadda, kif kien irrimarka l-Avukat Ġenerali f’sottomissjonijiet li huma kien għamel. L-Imħallef innota li diversi individwi ġew akkużati b’rabta mal-qtil u li l-inkjesta maġisterjali għadha għaddejja.

Hija osservat ukoll li Fenech stess kien ilu jressaq rikors fil-qorti li fihom kien qed jitlob aktar provi biex jiġu esebiti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Il-biża’ li Fenech jaħrab jew jipprova jfixkel il-ġustizzja baqgħet qawwija, iddeċidiet il-Qorti.

Il-Qorti Kriminali qabel kienet iddeċidiet li dawn il-biżgħat kienu reali u sostnuti mill-evidenza li rat il-Qorti tal-Maġistrati, qalet l-imħallef, u kienet għamlet ukoll referenza għal individwi qrib l-akkużat li qed jiġu investigati mill-pulizija wara li allegatament ippruvaw jagħmlu jostakolaw il-kors tal-ġustizzja.

Filwaqt li rrikonoxxiet li persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm tinstab ħatja, il-Qorti Kriminali qalet li xorta kellha tiżen it-talba ta’ Fenech kontra l-interessi tas-soċjetà, u ddeċidiet li Fenech m’għandux jingħata l-libertà proviżorja f’dan l-istadju.