Minflok qatgħet qalbha hi ddeċiedet li tibda tagħmel il-boxing biex tkun tista’ tibda tħossha aħjar.
Daqs sena ilu, Doris Schembri ħadet l-aħbar li qed tbati mill-Parkinsons Disease u kien hawnhekk fejn ħasbet kif tista’ tnaqqas l-effetti tagħha.
“Kont għamilt riċerka dwar il-Parkinsons u ħabib tiegħi qalli biex nibda l-boxing għax jgħini,” qalet Doris. “L-ewwel ħaġa li għidlu: jien nagħmel boxing, qas qatt ma dħalt f’gym? Qalli biex nipprova u wara li kkuntatjajt lil Billy bdejt nagħmel il-boxing.”
Doris l-ewwel kienet marret għand tabib iżda dan kien sempliċiment taha mediċina kontra d-dipressjoni. Madanakollu, dawn m’għinunix u kien hawnhekk fejn ħasset li għandha tmur għand neurologist hekk kif bdiet tħossha għajjiena ħafna u ma tistax timxi sew tant li bdiet titlef il-bilanċ. Wara li Doris kienet ngħatat mediċina kontra d-dipressjoni, hi bdiet tħoss li hemm xi ħaġa oħra.
“Iddeċidejt li mmur għand neurologist għax kont qed inħossni ħafna għajjiena, ma stajtx nimxi, bdejt nitlef il-bilanċ,” qalet Doris. “U fi żmien minuta qalli li għandi l-Parkinsons. Dak il-ħin ħadt xokk kbir. Tibda timmaġina li hi kundizzjoni li taqbad lill-anzjani.”
It-trainer, Billy Corito daħal għal din l-isfida b’ruħu u b’ġismu… sfida li dawwarha f’opportunità biex jagħti taħriġ b’xejn lil persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni fil-gym li jinsab fiż-Żurrieq.
“Li tgħin lil ħaddieħor hi xi ħaġa sabiħa. Li tgħin u tati xi ħaġa lura hu kumpliment kbir.”
Dan l-isport mhux wieħed faċli, iżda għal Doris ifisser ħafna.
“In-nies jaraw il-boxing bħala ġlied imma mhuwiex hekk,” qalet Doris. “Hu kwistjoni ta’ dixxiplina, bilanċ u sekwenza ta’ movimenti li tagħmel.”
Doris ma ħasbitx biss biex ittejjeb saħħitha iżda bdiet tewden kif tista’ tgħin lil persuni li għandhom il-Parkinsons u kien hawnhekk fejn kitbet u ppublikat ktieb bl-isem ta’ ‘Iċċaqlaq Nannu, Iċċaqlaq’ biex tigwida lill-qraba kif jistgħu jgħinu lil persuni bil-Parkinsons.
Ritratti: Martin Agius
Filmat: Joe Francalanza
Muntaġġ: Gail Mallia