Waqt l-Assemblea Ġenerali tal-Malta FA kienet żvelata identita’ viżwali ġdida għall-Assoċjazzjoni. Ir-rebranding tal-Malta FA hu mnebbaħ mill-istrateġija tal-futbol Malti tal-2020-2024 ‘We Can Perform Better’. Bħala parti minn dan ir-rebranding, il-Malta FA żvelat il-logo il-ġdid, li jinkludi s-salib bit-tmien ponot, simbolu nazzjonali ta’ Malta.
L-identita’ nazzjonali baqgħet fiċ-ċentru ta’ dan ir-rebranding bil-Malta FA taspira li tirrifletti l-valuri tal-Assoċjazzjoni; id-dinamiċita’, ir-responsabilita’ soċjali u l-fiduċja. Il-Malta FA għamlet ukoll distinzjoni bejn iż-żewġ ‘brands’, dak tat-timijiet nazzjonali tal-irġiel, tan-nisa u taż-żgħażagħ kif ukoll dak tal-identita’ korportattiva tal-assoċjazzjoni.
Id-disinn tar-rebranding kien fdat f’idejn ‘Frame’ ditta bbażata fi Glasgow fejn kienet fdata b’diversi proġetti oħra li jiffurmaw parti mill-programm GROW tal-UEFA, li jagħti sostenn lill-assoċjazzjonijiet f’konsulenza.
Waqt l-Assemblea Ġenerali kien approvat ukoll ir-Rapport Finanzjarju għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021. Kienu ppreżentati wkoll il-finanzi tal-assoċjazzjoni li juru dħul operattiv totali ta’ €6.2miljun bin-nefqa totali fuq disa’ xhur tkun dik ta’ €7.8miljun.
Il-President tal-Malta FA Bjorn Vassallo ħabbar li l-assoċjazzjoni qed tvara pjan ta’ rkupru biex iġġib stabbilita’ finanzjarja, wara l-pandemija tal-Covid-19. Dan filwaqt li se tkun qed tiddependi fuq il-fondi tal-UEFA u tal-FIFA biex tkompli bis-sostenn tagħha għall-proġetti tekniċi u ta’ żvilupp għall-clubs u l-assoċjazzjonijiet membri tagħha.
Il-President tal-MFA Bjorn Vassallo (Ritratt: Matthew Tabone)
//= $special ?>