Ma jaqtgħu xejn l-ispekulazzjonijiet dwar min se jkun qed ipoġġi bħala speaker il-Prim Ministru Robert Abela, b’Anġlu Farrugia qed jibqa’ juri x-xewqa li jkompli fl-irwol tiegħu bħala Speaker tal-Parlament.
L-ispekulazzjoni dwar din il-pożizzjoni kompliet tikber wara li issa beda jissemma isem Michael Farrugia bħala l-persuna li jaf iservi f’dan l-irwol.
F’kummenti lit-Times of Malta dwar il-futur tiegħu, Anġlu Farrugia kkonferma li hu interessat li jkompli fir-rwol tieghu bħala Speaker.
Anġlu Farrugia kien inħatar fil-kariga fl-2013, xhur wara r-riżenja drammatika tiegħu minn deputat mexxej Laburista qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2013. U jekk ikompli fit-tmexxija tal-Kamra tad-Deputati…din tkun it-tielet leġislatura tiegħu.
L-għażla ta’ min jinnomina lill-ispeaker għal din il-leġislatura l-ġdida taqa’ kollha kemm hi fuq spallejn il-Prim Ministru Robert Abela. Iżda s’issa….Abela baqa’ fommu magħluq dwar dan il-pass.
F’dawn l-ahhar xhur….l-irwol tal-Ispeaker kien fl-attenzzjoni pubblika, l-aktar meta deher jippresiedi l-kumitat tal-istandards li għandu l-kompitu li jiddixxiplina lill-Membri Parlamentari li jiksru r-regoli tal-etika. U qabel ma twaqqaf l-uffiċċju tal-kummissarju tal-istandards, Farrugia kien ilu jilmenta li ma kellux setgħa li jieħu xi azzjoni biex jinvestiga d-dikjarazzjonijiet finanzjarji obbligatorji mressqa mill-Membri Parlamentari kollha.
//= $special ?>