Il-Ministru tad-Difiża Ukren, Kyrylo Budanov , qal li s-servizzi tas-sigurtà tar-Russja qegħdin jippjanaw ‘l-azzjonijiet terroristiċi’ fuq il-poplu fl-artijiet tagħhom stess – u bil-ħsieb li ‘idawwru l-opinjoni pubblika kontra l-Ukrajna’.
Budanov qal li ‘it-tqegħid tal-landmines u l-isplużjonijiet fil-kumplessi residenzjali, l-isptarijiet u l-iskejjel fl-ibliet tar-Russja kapaċi jkunu parti mill-istrateġija ġdida ta’ Moska biex, imbagħad, takkuża lill-Ukrajna dwar atti ta’ terroriżmu’.
Il-Ministru Ukren saħaq li s-servizzi tas-sigurtà Russi qegħdin jippjanaw ukoll ‘attakki bil-missili’ fuq l-inħawi ta’ Belgogrod, qrib il-fruntiera tar-Russja mal-Ukrajna, inkella kontra xi belt fil-penisola tal-Krimea.
Budanov mhux jeskludi li r-Russja, imbagħad, tipprova tippreżenta dawn l-azzjonijiet qattiela bħala ‘ġustifikazzjoni għall-brutalità kontra ċ-ċittadini Ukreni’ li seħħew fl-inħawi ta’ Bucha, fil-madwar ta’ Kiev u fil-belt ta’ Kramatorsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna.
Dan meta żdiedu l-provi dwar l-atroċitajiet li saru fil-konfront taċ-ċivili fiz-zoni tal-Ukrajna li sa ftit ilu kienu okkupati mill-qawwiet Russi. L-atroċitajiet jidhru li huma ‘tattika speċjali’ tal-Kremlin biex jintimida u jkisser il-moral tal-Ukreni li qed jiddefendu pajjiżhom kontra l-inkursjonijiet tal-magna tal-gwerra Russa.
//= $special ?>

