L-uffiċjali tal-Punent qablu li l-gwerra fl-Ukrajna riesqa lejn l-aktar fażi kruċjali tagħha u li għandha wkoll tkun deċiżiva għall-futur tal-Ukreni u għall-Ewropa sħiħa.
Dan meta l-qawwiet tal-Ukrajna u tar-Russja qegħdin isaħħu l-pożizzjonijiet rispettivi filwaqt li jżidu t-truppi fir-reġjun tad-Donbas, fl-artijiet Ukreni tal-Lvant. F’dan ir-reġjun partikulari hemm ukoll preżenza sinifikanti ta’ ġellieda separatisti li qegħdin jappoġġjaw lir-Russi f’dan il-konflitt u li ilhom jiġġieldu kontra t-truppi tal-Gvern Ukren mill-2014.
Ir-Russja, intant, qed iddawwar l-attenzjoni sħiħa tagħha lejn il-lvant tal-Ukrajna wara l-ewwel fażi tal-offensiva….Fażi li kienet karatterizzata bit-telfiet kontinwi għall-Armata ta’ Vladimir Putin li, s’issa, tilfet ‘il fuq minn 20,000 suldat u ‘il fuq sew minn 750 tank tal-gwerra waqt ġimgħat ta’ ġlied qalil mal-Ukreni….Ġimgħat fejn il-qawwiet tal-Kremlin ma rnexxilhomx jieħdu l-kontroll ta’ imqar belt prinċipali waħda tal-Ukrajna.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-qawwiet tal-Gvern tiegħu huma lesti għall-offensiva ġdida tar-Russi fir-reġjuni Ukreni tal-Lvant.
Fl-istess ħin, Zelensky wissa li r-Russja qed tikkonċentra l-għexieren tal-eluf tat-truppi mal-periferiji tad-Donbas biex, fil-jiem li ġejjin, jibdew l-assalt fuq iz-zoni li jinkludu r-reġjuni ta’ Luhansk u Donetsk, li huma kontrollati mis-separatisti.
//= $special ?>