Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Vladimir Putin jgħid li l-invażjoni se tissarraf ‘fil-kisbiet nobbli’

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, waqt dehra rari fil-pubbliku, għamel diskors fejn fisser l-invażjoni tal-Ukrajna mit-truppi tiegħu bħala ‘azzjoni li għandha tissarraf fil-kisbiet nobbli’.

Putin qal dan il-kliem waqt li akkumpanjat mill-Mexxej tal-Belarus, Aleksandr Lukashenko — bil-Mexxej Russu jtenni wkoll li l-konfront militari mal-Ukrajna kellu jseħħ bħala ‘ħaġa inevitabbli’. Hu kompla li ‘ma kellux għażla oħra’ ħlief li jwettaq l-invażjoni tal-Ukrajna bil-ħsieb li jipproteġi lir-residenti li jitkellmu bir-Russu fir-reġjun tad-Donbas.

Waħda mit-temiet favoriti tal-Kremlin hi li l-qawwiet ta’ Putin qegħdin jgħinu ‘lill-popli oppressati’ fir-reġjuni separatisti tal-Ukrajna. Dan meta Putin, fl-aħħar sigħat, kien qed jimmarka l-61 anniversarju ta’ meta l-kosmonawta Russu, Yuri Gagarin, kiteb l-istorja bħala l-ewwel bniedem li qatt ittella fl-ispazju.

Fl-istess ħin –  u fost l-enfasi li l-invażjoni tal-Ukrajna kienet ‘deċiżjoni tajba’ —  Putin għadu jisħaq il-ħsieb biex jiknes l-allegati elementi Nażisti mill-Ukrajna.

Dan waqt li l-istrateġiji tal-Kremlin qegħdin jibbażaw fuq il-‘ġustifikazzjoni’ qarrieqa tal-gwerra fuq il-ġirien Ukreni li kellha sseħħ mingħajr l-ebda provokazzjoni. Fl-istess ħin, ir-Russja fl-ebda żmien ma preżentat il-provi konkreti li juru tassew l-inklużjoni ta’ elementi radikali jew neo-Nażisti fi ħdan il-Gvern tal-Ukrajna, bħalma qed jakkuża Putin.