Il-leaders tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tad-darts Qormi Hockey Club A reġgħu rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Education Bar 5-3.
Kienet rebħa importanti għall-Qriema li kellhom l-għan li jiksbu t-tliet punti sabiex iżommu l-vantaġġ tagħhom fil-quċċata wara li tilfu l-aħħar konfront tagħhom kontra Manchester Conquest Pub.
Il-fażi inizjali ta’ dan il-konfront kienet ferm bilanċjata hekk kif l-ewwel tim ta’ Qormi Hockey Club dejjem kien fil-vantaġġ iżda bil-Ħamruniżi li dejjem irnexxielhom jġibu l-iskor indaqs. Minkejja kollox, l-aħħar sets kienu determinanti sabiex il-liders tal-klassifika jiksbu t-13-il rebħa staġjonali.
Sadanittant Ħamrun Bayern A baqgħu jżommu l-pass mar-rivali tagħhom hekk kif ftit sabu diffikulta’ sabiex jirbħu 7-1 lil PO’s Bar Gudja. L-istess skor kien reġistrat fil-logħba bejn Manchester Conquest Pub u MCP Floriana Ajax B b’tal-ewwel joħorġu rebbieħa.
Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Qormi Hockey Club B baqgħu jżommu l-konsistenza tagħhom hekk kif kisbu l-15-il rebħa tal-istaġun wara skor ta’ 7-1 kontra Żurrieq FC. Fgura Darts B baqgħu jsegwuhom fit-tieni post hekk kif rebħu bl-istess skor lil Birżebbuġa St Peter b’Ħamrun Bayern B li għelbu lil Munchies Bar 5-3.
Top Gun Bar ixxalaw u kisbu rebħa kbira ta’ 8-0 fuq Buġibba Whyte Hart.
Fit-tielet diviżjoni, il-leaders Banda Birżebbuġa 1990 ma kinux fl-azzjoni u għalhekk it-tim fit-tieni post Beland Bull’s Eye ħa vantaġġ minn dan il-fattur sabiex kiseb rebħa ta’ 6-2 fuq Qormi Hornets.
Fgura Darts A u St Pauls Diamonds ħarġu rebbieħa bl-istess skor ta’ 5-3 fuq Mqabba FC u Mqabba tal-Ġilju rispettivament filwaqt li Cox Bar kisbu tliet punti prezzjużi wara rebħa ta’ 6-2 fuq Education Ladies.
//= $special ?>