Fil-Bernabeu kienu Real Madrid li kkwalifikaw għas-semi finali tal-UEFA Champions League bi skor aggregate ta’ 5-4 minkejja li kienu megħluba minn Chelsea bi skor ta’ 3-2.
Chelsea marru fil-vantaġġ mal-kwarta logħob meta Loftus-Cheek u Timo Werner bidlu tajjeb il-ballun, bil-Ġermaniż jiżmarka lil Mason Mount li minn quddiem Thibaut Courtois ma żbaljax għal 1-0. Matul l-ewwel taqsima Chelsea komplew jikkontrollaw il-ballun iżda ftit li xejn ħolqu periklu lid-difiża ta’ Real Madrid.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima Chelsea ħarġu fuq l-offensiva u proprju fil-51 minuta irduppjaw, meta minn corner ta’ Mason Mount kien Antonio Rudiger li bir-ras xeħet fix-xibka għal 2-0.
Għaxar minuti wara Chelsea ħasbu li skorjaw it-tielet gowl metea Marcos Alonso kkonkluda fis-saqaf tax-xibka, bil-gowl ma jingħatax minħabba handsball, wara konsultazzjoni mal-VAR. Fil-75 minuta Chelsea għamluhom tlieta meta minn pass ta’ Mateo Kovacic kien Timo Werner li xeħet fix-xibka.
Minkejja dan Real Madrid wettqu reazzjoni u mat-80 minuta skorjaw il-gowl importanti li żammhom fil-partita, meta minn ballun mill-isbaħ ta’ Luka Modric, kien Rodrygo li b’volley għeleb lil Edouard Mendy għal 3-1. Fil-95 minuta jasal il-gowl deċiżiv meta minn cross ta’ Vinicius Jr. kien Karim Benzema li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Mendy għal riżultat finali ta’ 3-2.
Fl-Allianza Arena, b’sorpriża Bayern Munich sfaw eliminati minn Villarreal wara li temmew fi draw ta’ 1-1, bl-Ispanjoli jikkwalifikaw bi skor aggregate ta’ 2-1. Bayern Munich fetħu l-iskor fit-52 minuta meta Thomas Muller għadda lejn Robert Lewandowski li kkonkluda fix-xibka għal 1-0.
Madanakollu, hekk kif kollox deher li l-partita se tmu għal ħin barrani, fit-88 minuta Villarreal kisbu d-draw meta minn pass ta’ Gerard Moreno, kien Samuel Chukwueze li għeleb lil Manuel Neuer għal 1-1.
(Ritratti: EPA)
UEFA CHAMPIONS LEAGUE
Illum: B.Munich v Villarreal 1-1(1-2), R.Madrid v Chelsea 2-3(5-4) Għada: A.Madrid v Man City 9.00pm, Liverpool v Benfica 9.00pm
//= $special ?>