Internazzjonali

Renju Unit: Boris Johnson se jeħel multa għall-festini ta’ waqt il-lockdown

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson se jkun immultat mill-Pulizija Metropolitana talli attenda għall-festini fi żmien meta r-Renju Unit kien taħt lockdown sfurzat waqt l-ewwel xhur tal-pandemija.

Se jkun immultat ukoll, il-Kanċillier, jew Ministru tal-Finanzi Britanniku, Rishi Sunak – li, l-istess bħal Boris Johnson, irċieva notifika dwar il-penali pendenti għal dan l-abbuż.

Sadanittant, kemm Boris Johnson kif ukoll Rishi Sunak mhumiex qed jikkunsidraw li jirriżenjaw minħabba l-abbuż tar-regoli ċari li kienu qed jipprojbixxu l-attivitajiet pubbliċi fl-Ingilterra minħabba l-biża’ dwar il-Covid-19.

Fl-istess ħin, il-Pulizija Britannika qed tinvestiga allegati ksur tal-liġi b’relazzjoni mal-Covid waqt tnax-il attività li għalihom attendew numru projbit tan-nies u li allegatament saru f’Whitehall kif ukoll fir-residenza tal-Prim Ministru f’Downing Street, f’Londra.

S’issa ngħataw l-għexieren tal-multi b’konnessjoni mal-abbużi waqt li l-pulizija qalet li mhix se tidentifika lin-nies partikulari li jridu jħallsu dawn il-multi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Britannika,Sir Keir Starmer, qal li l-abbużi tar-regoli dwar il-Covid jindikaw li l-Konservattivi ta’ Johnson mhumiex mexxejja denji tal-pajjiż. Hu saħaq ukoll li Boris Johnson u Rishi Sunak it-tnejn kien imisshom jirriżenjaw wara li kisru l-liġi u għaliex huma gidbu ripetutament lill-poplu tar-Renju Unit.

Il-Kap tal-Liberali Demokratiċi, Sir Ed Davey, sadanittant sejjeħ biex il-Parlament Britanniku — li aġġorna għall-festi tal-Għid – jiltaqa’ mill-ġdid biex isejjaħ għal vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru Johnson. Davey sostna li dan hu neċessarju meta, skont hu, il-poplu Britanniku qed jitmexxa minn Gvern fi kriżi li qiegħed jinjora pajjiż fi kriżi.