Sentejn wara li qalulha li għandha tumur f’rasha, Kristen ħasset li għandha tgħin pazjenti bħalha billi ssir infermiera.
Din hi l-istorja ta’ Kristen Aquilina, li mil-lejl għan-nhar spiċċat filli qed tgawdi ma’ sħabha u filli f’qiegħ ta’ sodda fl-Ingilterra lanqas taf titkellem u timxi. Bil-futur ta’ Kristen issa kien jidher imċajpar quddiemha.
“Kollox beda meta bdejt nara tikek fil-vista u wġigħ ta’ ras kbira tant li kont inqum mal-lejl nieħu mediċina biex intaffi l-uġigħ,” qalet Kristen. “Kien hemmhekk fejn ommi bdiet taħseb li hemm xi ħaġa ħażina u ħaditni biex nagħmel test ta’ għajnejja. Wara li għamilt it-testijiet qaluli li għandi n-nervituri ta’ għajnejja minfuħin u bagħatni l-Emerġenza.”
Iżda ħadd ma kellu jgħidilha li dan kien l-ewwel vjaġġ lejn sptar minn ħafna li kienet se tagħmel fix-xhur ta’ wara… vjaġġ li kellha tagħmlu ’l bogħod mill-ġenituri tagħha hekk kif l-ebda persuna ma setgħet tidħol magħha minħabba t-tixrid tal-virus.
L-ewwel darba li marret l-isptar, it-tobba qalulha li ma kien hemm xejn gravi tant li serrħet daqsxejn rasha, madankollu test wara l-ieħor beda juri li l-affarijiet ma kienu jidhru xejn sbieħ. Tant kemm hu hekk, li n-newrologu qalilha li fi żmien sitt sigħat riedet tkun l-Ingilterra biex tibda tingħata l-kura meħtieġa.
Minkejja li ma kinetx faċli għal Kristen din l-aħbar, hi kellha żżomm soda hekk kif kellha tkun hi li tagħti l-aħbar lill-ġenituri tagħha.
Kienet sajjetta fil-bnazzi. U waqt li ħadu din l-aħbar, imnalla kienu Puttinu Cares għalihom hekk kif l-inqas ħaġa li kellhom fuq moħħhom kien kif se jmorru l-Ingilterra u x’se jagħmlu ladarba jaslu hemm, b’mod speċjali fl-eqqel tal-pandemija.
“Filli għaddejjin minn ħajja normali u f’daqqa waħda kif wasalt mix-xogħol tawni aħbar bħal dik,” qal missierha, Eusebio. “Tlaqt lejn l-isptar u għamilt lejl ma’ binti. Sadanittant, marti flimkien ma’ oħtha ppreparaw il-bagalji għax fi ftit sigħat bdejna l-vjaġġ lejn l-Ingilterra.”
Hekk kif telgħu l-ewwel darba l-Ingilterra, Kristen ittieħdet fi sptar u minnufih saret operazzjoni fuqha biex jitneħħa t-tumur. Hekk kif it-tumur ħarġilha fl-eqqel tal-pandmija, Kristen kellha tmur l-isptar waħedha. Fil-fatt, il-mument li qamet, Kristen li dak iż-żmien kellha 18-il sena, ma sabitx lill-ġenituri biswitha kif normalment jiġri.
U mhux hekk biss. Din l-operazzjoni wasslitha biex hekk kif stenbħet, minkejja li għamlet dak kollu li tista’, irrealizzat li ma kinetx għadha taf kif titkellem u kif timxi. Dan kollu ’l bogħod mill-ġenituri tagħha.
Kristen kienet qed tagħmel f’qalbha. Ma setgħetx tniżżilha li mhux talli ħajjitha nbidlet ta’ taħt fuq, iżda lanqas biss seta’ jkollha lil dawk l-iktar għeżież ħdejha biex jagħtuha s-sapport li tant kellha bżonn. Kien hawnhekk fejn l-infermiera u t-tobba rrealizzaw b’dan u għamlu eċċezzjoni biex tal-anqas ommha tkun tista’ tidħol ħdejha.
Kienet propju Kristen li qalet ’l ommha li ma tistax titkellem u lanqas timxi… u wrietha dan permezz ta’ sinjali, liema aħbar, naturalment, ħasdet lil ommha.
Fortunatament, bl-għajnuna ta’ numru ta’ professjonisti, Kristen reġgħet bdiet titkellem u timxi u b’hekk setgħet terġa’ tirritorna f’art twelidha.
Wara l-ewwel vjaġġ lejn l-Ingilterra, Kristen ma kellhiex idea x’kien hemm iktar jistennieha. Wara li niżlu lura Malta u bdew isiru t-testijiet ta’ rutina, it-tobba nnutaw li kienet qabditha infezzjoni li rriżultalha biex parti mill-kranju spiċċa tmermer u ġie fix-xejn. Kien hawnhekk fejn kellha ssir operazzjoni oħra biex fin-nuqqas tal-parti mill-kranju ssir titanium plate.
Għadda iktar żmien u f’testijiet oħra li kienu saru rriżulta li t-tumur mhux talli ma ħelsitx minnu, talli spiċċa kiber iktar milli kien. U kien hawnhekk fejn kellha ssir operazzjoni urġenti oħra biex jerġa’ jitneħħa t-tumur.
Illum il-ġurnata, ta’ 20 sena, Kristen tinsab determinata li tiggradwa bħala infermiera ħalli tagħti lura lis-soċjetà dak li ħafna infermieri u tobba għamlu magħha.
Għaliex għandek tgħin lil Puttinu Cares?
Din l-istorja ta’ Kristen hi ftit minn ħafna… esperjenzi li jsibu lil Puttinu Cares minnufih jagħtu l-għajnuna tagħhom.
Eusebio qal kemm kienet diffiċli li jridu jdumu sagħtejn biex jaslu sa ħdejn binthom mill-appartament li kienu fih. U dan kien ifisser sagħtejn oħra biex imorru lura. Erba’ sigħat kuljum biex jaraw ftit lil binthom, meta kienu jħalluhom minħabba restrizzjoni marbuta mal-pandemija.
Hu għalhekk li fil-Ġimgħa l-Kbira – tlett ijiem oħra – qed jappellaw għall-għajnuna biex jinbnew appartamenti oħra li huma biss ftit minuti ’l bogħod mill-isptarijiet ewlenin li l-Maltin imorru fihom.
Tinsiex, waqt maratona ġbir ta’ fondi li se ssir fuq l-istazzjonijiet lokali, fosthom Net TV mill-10am u 3pm u mid-9pm sa nofsilejl, agħti minn dak li tista’.