Żball dwar meta seħħ inċident ta’ vjolenza domestika wassal biex mara tiġi lliberata minn akkużi li feriet gravi lill-eks sieħeb tagħha. L-akkużata mill-Isvezja qed tistenna t-twelid ta’ tewmien mir-raġel li allegatament hija aggredit xahar ilu. Il-mara ta’ 28 sena kienet qed tiġi mixlija li ħebbet għar-raġel li huwa wkoll mill-Isvezja u dan wara li tagħtu daqqa bil-mobile u daqqa oħra permezz ta’ blata ornamentali.
L-akkuża kienet tgħid li l-inċident seħħ fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Marzu meta ir-rapport li sar fuq l-inċident indika li dan seħħ fl-10 ta’ Marzu bejn l-10pm u l-11pm. fl-appartament tar-raġel f’San Pawl il-Baħar. Il-mara dejjem ċaħdet dawn l-akkużi, anzi qalet li kien l-eks sieħeb tagħha li ħebb għaliha. Qalet li ġimgħa qabel kellha wkoll argument miegħu fuq il-mobile li ssemma fil-każ, imma li dan l-argument kien biss wieħed verbali.
Dwar l-inċident li sofra fil-muskolu ta’ jdejh, qalet li ma tafx kif dawn ġew u l-feriti li sofra f’wiċċu għamilhom huwa stess u dan tista’ tissostanzjah peress li r-raġel bagħat ritratt ta’ wiżżu lil persuna li huma, u li din bagħtitu lilha. Iċ-ċertifkat mediku nħareġ erba’ minuti qabel is-siegħa ta’ filgħodu tal-11 ta’ Marzu bil-Qorti tgħid li jagħti kreddibilità lir-rapport li seħħ u mhux kif indikat fl-akkuża preżentata fil-Qorti.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qalet li l-fatti tal-każ jekk seħħew ħadu post l-10 ta’ Marzu u mhux l-għada. L-Ispettur Eman Hayman li mexxa l-prosekuzzjoni qal lill-Qorti li l-mara Żvediża, li hija tqila wettqet dan ir-reat fl-appartament tal-partner tagħha.
Il-mara kienet qed tiġi mixlija wkoll li kkaġunatlu feriti ħfief f’inċident preċedenti ta’ vjolenza domestika fi Frar li għadda. Il-mara li tgħix il-Gżira, u taħdem bħala ‘recruiter’, ikkontestat l-akkużi miġjubin kontriha. L-avukat tal-mara Roberto Montalto, qal minn naħa tiegħu li s-sieħeb tagħha jinsab akkużat li stupraha fi proċeduri kriminali separati li bdew f’Ottubru li għadda.
Il-Qorti qalet li ma hemmx biżżejjed raġunijiet biex il-mara tiffaċċa tali akkużi u ordnat il-ħelsien tagħha b’mod immedjat. Ir-raġel iddeċċieda wkoll biex ma jixhed fil-proċeduri kontra s-sieħba tiegħu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman filwaqt li għal mara deher l-Avukat Roberto Montalto.
//= $special ?>