Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs għal raġel bi problemi ta’ droga talli ħa ġurament falz

Raġel ta’ 36 sena minn Ħaż-Żabbar magħruf sew mal-Pulizija ġie kkundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Nadine Lua wara li ammetta li ħalef falz quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.. Brandon Luke Meilaq ammetta li fl-1 ta’ Diċembru 2015, li ta xhieda falza quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri, llum Imħallef fi proċeduri li l-Pulizija għamlu fil-konfront ta’ ċertu Freddie Delia.

Mielaq ammetta u skuża ruħu għar-reat li wettaq bil-partijiet u jaqblu li qabel tingħata s-sentenza jsir rapport dwar l-akkużat fejn wara li tlesta ħareġ li Meilaq wettaq ir-reat għax kien qed jinkwieta għal familja tiegħu.. Ħareġ ukoll li huwa għandu l-vizzju tad-droga bir-rapport jagħmel suġġeriment li fil-mument ikun aħjar li jagħmel perjodu l-ħabs minħabba li ħajtu mhijiex stabbli u dan minħabba d-dipendenza qawwija li għandu għat-teħid tad-droga u l-ħajja kriminali li jgħix.

Il-Maġistrat Nadine Lia qieset li r-raġel kien diġà  nstab ħati diversi drabi ta’ reati marbuta mad-droga, sewqan perikoluż u serq. Qalet li minkejja li ngħata diversi sentenzi komunitarji baqa’ ma rriformax ruħu u spiċċa ntbagħat il-ħabs fuq każ relatat mat-traffikar tad-droga.

Irrizulta wkoll li fuq każ preċedenti  sakemm l-imputat daħal il-habs kien qed jirriżulta pożittiv ghall-kokaina u eroina liema vizzju ilu bih ghal żmien twil Il-Qorti qieset ukoll l-ammissjoni bikrija ta’ l-imputat li rregistra fl-ewwel udjenza u fl-iktar stadju bikri qabel ma l-prosekuzzjoni kienet lahhqet ressqet xhieda u provi,

Qieset ukoll il-fatt meta l-ħati jammetti l-ħtijiet tiegħu fi stadju kmieni tal-proċeduri u b’hekk jiffranka ħafna xoghol u spejjez inutili ghall-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Meta qieset dan kollu Meilaq ġie kundannat erba’ snin ħabs li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien tal-perjodu li huwa għamel meta kien taħt arrest preventiv. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg.