Fir-raba’ jum tal-ġimgħa mqaddsa, il-Kattoliċi Nsara f’pajjiżna jfakkru l-Erbgħa tat-Tniebri, il-ġurnata li fiha, fl-imgħoddi, kienet issir il-funzjoni tad-dlamijiet.
Kif inhi t-tradizzjoni, f’dan il-jum isir l-Uffiċċju Divin tal-Qari, li jissejjaħ ukoll Tenebrae, bil-Malti Tniebri, għaliex il-knisja kienet tkun imdallma bil-purtieri mat-twieqi. U l-unika dawl mixgħul kien jintuża biex jinqraw is-Salmi tal-Uffiċċju.
Wara l-qari ta’ kull Salm ma kinitx tingħad il-Gloria u wieħed mill-abbatini kien joħroġ jitfi xemgħa tal-barabba li huwa kandilabru trijangulari tal-injam li jinxtegħel fuq l-artal.
Ghall-ahhar antifona tal-Benedictus kienet tibqa’ xemgħa waħda tixgħel biex wara tinqala’ u tinħeba fil-kor. Kif tinħeba, il-qassisin u n-nies preżenti joħolqu storbju, min iħabbat xi ċavetta mal-injam tal-kor jew bis-siggu mal-art ghal ftit sekondi biex ifakkru it-terremot li seħħ meta miet Kristu.
Għalkemm din il-funzjoni nqatgħet fil-knejjes Maltin u Għawdxin, iż-Żwieten reġgħu taw ħajja lil din il-funzjoni fl-2015. U din għadha ssir kull sena fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina.
Intant, il-Knisja Kattolika f’Ħamis ix-Xirka tfakkar jum is-Saċerdozju bil-Konċelebrazzjoni tat-Tberik taż-Żjut il-Ħamis filgħodu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-Katidral t’Għawdex, li jkunu l-uniċi żewġ quddisiet ċċelebrati fiż-żewġ djoċesi ta’ Malta u Għawdex.
Filgħaxija mbagħad, issir it-tifkira tat-twaqqif tal-Ewkaristija fil-knejjes kollha li fiha ssir iċ-ċeremonja tal-ħasil tar-riġlejn ta’ 12-il appostlu kif ukoll t-tranżlazzjoni tas-Sagrament lejn is-Sepulkru biex jibdew is-7 viżti, li fihom il-Maltin jerħulha minn knisja għal oħra jżuru ’l Ġesù Sagramentat fis-Sepulkru biex iressqu t-talb tagħhom.
It-tridu tal-Għid ikompli fil-Ġimgħa l-Kbira bil-viżti quddiem is-Sepulkri filgħodu filwaqt li waranofsinhar, fil-knejjes issir l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej, li fiha tinkludi l-qari tar-rakkont tal-passjoni.
Għall-ewwel darba wara tliet snin minħabba l-pandemija, filgħaxija se jsiru mal-20 purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta u f’Għawdex, b’eluf ta’ nies jieħdu sehem bħala reffiegħa, persunaġġi, bandisti u fratelli fost l-oħrajn.
F’dawn il-jiem, ħafna devoti isumu jew jastjenu mill-ikel, bil-kċina Maltija tirrifletti ukoll il-kultura antika marbuta ma’ dan iż-żmien qaddis li fih jispikka ikel bħal qassatat tal-irkotta, torti, qagħaq tal-appostli u l-isfineġ tal-inċova.
//= $special ?>