Żagħżugħ ta’ 27 sena minn San Pawl il-Baħar li huwa magħruf sew mal-Pulizija reġa’ tressaq il-Qorti mixli li sbieħ l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tas-2.30 kien qiegħed jiġri barra fil-lokalità tiegħu stess meta fuq ordni tal-Qorti suppost kienu ilu d-dar sa mit-8.00 am.
Hekk kif kien wasal biex jibda l-każ l-Ispettur Clayton Camilleri qal lill-akkużat Aidan Chircop, “int ma titgħallem qatt”. Huwa wieġeb mhux ħati li kien fi Triq San Luigi u li għalhekk naqas milli josserva l-kundizzjoni mposta fuqu mill-Maġistrat Rachel Montebello f’digriet datat 5 ta’ Novembru 2020, kif ukoll dak tal-Imaħħlef Consuelo Scerri Herrera tas-26 ta’ April 2021.
Il-prosekuzzjoni qalet lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li Chircop għandu żewġ proċeduiri pendenti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, relatati ma’ serq u meta tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello hija kienet laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diveri kundizzjonijiet,
L-Avukat Francesca Zarb li flimkien mal-Avukat Franco Debono qed tidher għall-akkużat qalet li huwa kien diġa tilef parti minn depozitu u garanzzija personali li l-ammont tagħhom ma kienx wieħed żgħir.. Il-Qorti hawn qalet li meta ġudikant tagħmel kundizzjonijiet tippretendi li dawn jiġu osservati.
Minn naħa tagħha d-difiża fil-bidu qalet li l-ħin tal-Qorti huwa prezzjuż u li hija disposta li tirreġistra ammissjoni, li madakollu tfisser piena karċerarja u għalhekk f’dan l-istadju kienet qed twieġeb mhux ħati tal-akkuża miġjuba fil-konfront ta’ Aidan Chircop. Ma saritx talba għall-pleġġ f’dan l-istadju. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Ryan Vella u Clayton Camilleri.
//= $special ?>