Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara li ttajret fil-Marsa-Ħamrun Bypass

Mara minn Santa Venera spiċċat tissielet għal ħajjitha wara li kienet li ttajret minn karozza fil-Marsa-Ħamrun Bypass.

Il-każ seħħ it-Tlieta filgħaxija għall-ħabta tad-disgħa meta għal xi raġuni l-mara ta’ 34 sena ntlaqtet minn vettura misjuqa minn raġel ta’ 30 sena minn Birkirkara.

Fil-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħa lil mara l-Isptar Mater Dei b’urġenza għal aktar kura fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.