Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli laqgħet b’mod proviżorju t-talba magħmula minn BirdLife Malta nhar it-Tnejn għal mandat ta’ inibizzjoni preżentat minnha biex titwaqqaf l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema. Nhar it-Tlieta, 19 ta’ April fid-9.00am. se tibqa tisma’ s-sottomissjonijiet tal-partijiet dwar dan.
Fi stqarrija għall-istampa BirdLife Malta qalet li hija sodisfatta li rċeviet in-notifika tal-Qorti li tħabbar li ntlaqa’ b’mod proviżorju l-mandat mressaq aktar kmieni din il-ġimgħa biex iwaqqaf l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema,
speċi Vulnerabbli.
Dan awtomatikament ifisser li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema mhux se jiftaħ nhar il-Ħadd li ġej 17 ta’ April. Il-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima qal: “Aħna sodisfatti li l-Qrati lokali fehmu l-urġenza f’dan il-każ u fehmu wkoll li huma għandhom ir-responsabbiltà u l-poter li jħarsu d-Direttivi Ewropej f’pajjiżna.
Qal li l-Qrati tagħna huma wkoll Qrati Ewropej bil-poteri kollha li jipprovdulhom id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea stess. Bħala Stat Membru aħna rridu nirrispettaw ir-regolamenti u d-direttivi tal-UE u l-Qrati ta’ Malta huma mezz għal kull ċittadin u għas-soċjetà ċivili biex ifittxu rimedju għal ksur tad-Direttivi Ewropej, inkluż id-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar.”
BirdLife Malta qalet li issa se tkun qed tikteb lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Kap tat-Taqsima għar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (WBRU) biex tiżgura li huma konxji ta’ dan l-iżvilupp u li ħadd ma jista’ jikkaċċja għall-Gamiem din ir-rebbiegħa qabel ma l-kawża tkun deċiża nhar it-Tlieta, u l-kaċċa tkun tista’ ssir biss jekk il-kawża tintilef.
Kull min jikkaċċja għall-Gamiem, għalhekk, ikun qed jikser il-liġi. Id-WBRU għandha r-responsabbiltà u l-obbligu li tinforma lill-kaċċaturi kollha b’din id-deċiżjoni. BirdLife Malta qalet li tixtieq trodd ħajr lit-tim legali tagħha, jiġifieri lil Dr Mark Soler, Dr Claire Bonello u Dr Philip Manduca, li issa qed jippreparaw għas-smigħ ta’ nhar it-Tlieta
//= $special ?>

