Wara li l-Imħallef Audrey Demicoli laqgħet b’mod proviżorju talba magħmula minn BirdLife għal mandat ta’ inibizzjoni preżentat minnha biex jitwaqqaf l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema, hija laqgħet talba oħra mill-Avukat tal-Istat biex l-istess mandat jinstema’ qabel nhar il-Ħadd, il-jum li kellu jiftaħ l-istaġun. Minflon nhar it-Tlieta, 19 ta’ April fid-9.00am. il-mandat se jinstema’ għada l-Ħamis, 14 ta’ April, ukoll fid-9.00am.
Il-mandat kien ippreżentat minn BirdLife Malta nhar it-Tnejn li għada u għaldaqstant minn għada l-Qorti Ċivili se tibda tisma’ l-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom. Huwa mifhum li għada stess il-Qorti tiddeċiedi jekk tilqax il-mandat jew le u għalhekk ikun deċiż jekk l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema tistax issir.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, ħabbar ukoll fuq il-midja soċjali li peremezz tal-Avukat tal-Istat, tressaq rikors biex il-mandat t’inibizzjoni jinstema’ qabel id-19 t’April. Sadaniitant anke il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li ressqet rikors fil-Qorti kontra l-Mandat ta’ Inibizzjoni li BirdLife Malta ippreżentat kontra l-Gvern, fejn talbet li l-istaġun tal-kaċċa fuq il-Gamiem ma’ jinfetaħx.
L-FKNK qalet li għamlet dan ir-rikors biex tkun tista’ tintervjeni fil-Kawża peress li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-kaċċaturi li huma liċenzjati biex mill-Ħadd joħorġu għall-kaċċa tal-gamiem, liema rikors ukoll ġie milqugħ. Fi stqarrija għall-istampa aktar kmieni l-Erbgħa, BirdLife Malta qalet li kienet sodisfatta li rċeviet in-notifika tal-Qorti li tħabbar li ntlaqa’ b’mod proviżorju l-mandat mressaq aktar kmieni din il-ġimgħa biex iwaqqaf l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa fuq il-Gamiema, speċi Vulnerabbli.
Il-BirdLife Malta qalet li l-Qrati Maltin huma wkoll Qrati Ewropej bil-poteri kollha li jipprovdulhom id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea stess. Bħala Stat Membru aħna rridu nirrispettaw ir-regolamenti u d-direttivi tal-UE u l-Qrati ta’ Malta huma mezz għal kull ċittadin u għas-soċjetà ċivili biex ifittxu rimedju għal ksur tad-Direttivi Ewropej, inkluż id-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar.” BirdLife Malta qalet li tixtieq trodd ħajr lit-tim legali tagħha, jiġifieri lil Dr Mark Soler, Dr Claire Bonello u Dr Philip Manduca.
//= $special ?>