Tliet żgħażagħ mill-Eritrea ġew ikkundannat sitt xhur ħabs kull wieħed wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li permezz ta’ passaporti foloz ippruvaw jaħarbu minn Malta. Haratab Aftab ta’ 24 sena, Biniam Gebremikhal ta’ 23sena u Kbiraeb Fiseaye ta’22 sena resdienti fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Birżebbuġa ammettew li nhar l-Erbgħa ppruvaw jaqbdu titjira għal Bologna, l-Italja b’passaporti ta’ tliet persuni mill-Gambja.
L-Ispettur Hubert Gerada xela wkoll liż-żgħażagħ li kellhom fil-pusses tagħhom dokumenti maħruġa minn awtorità kompetenti u li ppruvaw ipqarrqu u li għamlu dikjarazzjoni falza. Il-ħatja nqabdu fl-ajruport internazzjonali u kienu arrestati minnufih. Għall-Eritrejani deher l-Avukat Victor Bugeja.
//= $special ?>