Knisja Kultura Lokali

“Wara nuqqas ta’ sentejn ninsabu ħerqana għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira”

Il-Beltin bl-aħħar tħejjijiet għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira

Wara d-devozzjoni, is-solennità u s-serjetà tal-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira hemm ġimgħat twal ta’ preparazzjoni u xogħol minn mijiet ta’ voluntiera lajċi fil-parroċċi u l-komunitajiet tal-patrijiet li jilħqu l-qofol tagħhom mat-tokki tal-5pm ta’ nhar il-Ġimgħa meta fil-bibien tal-knejjes f’Malta u Għawdex jitfaċċa l-ewwel standard.

Ritratt: Martin Agius

L-Erbgħa filgħodu, In-Nazzjon żar l-aħħar preparamenti fl-Oratorju tal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss u l-Knisja Franġiskana ta’ Ġieżu fil-Belt Valletta, li kienu miżgħuda bil-volontieri fost attività kbira bi tħejjija għall-purċissjoni tal-Ġimgħa.

Ritratt: Martin Agius

Fl-Oratorju sibna lill-membri tal-istess Arċikonfraternità kif ukoll lir-reffiegħa jħejju l-arranġamenti tal-fjuri għall-Vara l-Kbira u l-Ecce Homo fejn qalulna kif dan ix-xogħol jibda minn kmieni t-Tlieta filgħodu sabiex sal-Erbgħa dawn jitqiegħdu kollha; arranġamenti li jtaqqlu sew ir-refgħa ta’ dawn il-vari.

Ritratt: Martin Agius

Fi kmamar oħra tal-kunvent tal-Patrijiet Minuri kien hemm voluntiera oħrajn iħejju l-kostumi, il-make-up u l-vestwarju tal-persunaġġi bibbliċi kif ukoll tas-suldati Rumani li jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Belt.

Ritratt: Martin Agius

Fil-knisja mbagħad sibna lir-reffiegħa jħejju l-vari, fosthom dik tal-Ecce Homo li fuqha kienet qed titlibbes il-porpra fuq spallet Ġesù.

Ritratt: Martin Agius

Il-Gwardjan tal-Kunvent, Patri Ramon Farrugia tkellem magħna dwar l-importanza tal-volontarjat f’dawn il-granet.

“Waħda mill-affarijiet li personalment laqtitni ħafna hija s-sens ta’ mħabba u sagrifiċċju li bih isir ħafna xogħol li sfortunatament ma jidhirx. In-nies tiġi għall-pellegrinaġġi, għall-purċissjonijiet u ċ-ċelebrazzjonijiet imma ħadd forsi ma jifhem l-ammont ta’ xogħol kbir li hawn li jsir fis-skiet minn wara l-kwinti. Din hija xi ħaġa li qed napprezza ħafna u nħoss sinċerament li huwa privileġġ għalija li anki nservi fost dawn in-nies li tant għandhom għal qalbhom dan iż-żmien u li lesti jagħtu l-ħin tagħhom biex kulħadd jista’ jgawdi u jagħmel din l-esperjenza tal-imħabba u tal-ħniena t’Alla.”

Ritratt: Martin Agius

Ir-Rettur tal-Arċikonfraternità, Keith Scicluna, elabora aktar dwar it-tħejjijiet tar-reffiegħa.

Inkunu ilna għaddejjin mill-bidu tar-Randan għax hawnhekk għandna t-tradizzjoni li ntellgħu vara kull ġimgħa fil-knisja però ovvjament l-qofol tal-preparazzjonijiet qed isiru issa. (…) Kważi kważi wasalna lejn l-aħħar, l-loġistika u l-affarijiet l-oħra tal-purċissjoni jekk Alla jrid kollox lest. Issa nistennew biss jasal nhar il-Ġimgħa u jibda l-ġenn tal-mument sakemm tissettja l-purċissjoni, jilbsu l-kostumi u ilesti l-vari r-reffiegħa fost l-oħrajn. Huwa proċess twil imma wara nuqqas ta’ sentejn ninsabu ħerqana għall-purċissjoni jekk Alla jrid. J’Alla t-temp ikun ħanin magħna iżda konvint li se jkollna purċissjoni sabiħa.”

Ritratt: Martin Agius

Refgħa partikolari f’din il-purċissjoni hija dik tal-Monument bil-korp ta’ Ġesù Mejjet, kif spjega r-reffiegħ, Gilmar Zammit, li ilu jerfa’ fil-purċissjoni għal aktar minn 20 sena fosthom fir-Redentur u l-Vara l-Kbira:

Hija refgħa differenti, fiha sfida differenti għal min hu dilettant tal-irfiegħ. Id-differenza hija li trid terfa’ minn ġewwa, allura jkollok l-għeluq u anki ċertu toqol għax il-Monument jintrefa’ bejn però hija sfida ġdida li aċċettajtha.”

Ritratt: Martin Agius

Intant, il-Gwardjan appella lil dawk li se jattendu l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira biex jgħixu dawn il-mumenti bi spiritwalità:

Ritratt: Martin Agius

“Ilkoll għixna esperjenza spiritwali sabiħa ħafna nhar it-Tnejn li għadda bil-Pellegrinaġġ bil-Kurċifiss Mirakoluż u d-Duluri. Hekk nittama ukoll li ngħixu din l-esperjenza fil-Ġimgħa l-Kbira iżda jiddependi ħafna bil-predespożizzjoni li se niġu biha aħna għal dak li se ngħixu flimkien. Jekk aħna se niġu biex naraw pageant, jekk aħna ħa niġu waqt li qed naraw dak li għandna ppreparat, se nkunu aktar moħħna fit-tpaċpiċ u l-ikel li se nixtru minn barra, allura se tkun esperjenza fejn se nkunu qed naraw spettaklu. Imma jekk aħna verament niġu b’qalb miftuħa biex dak li se naraw ifakkarna f’din il-mixja tat-tbatija li għadda Ġesù u x’nistgħu nieħdu minnha f’mumenti ta’ talb fil-ħajja tagħna, allura jien ċert li se tkun esperjenza li se tkompli tqarribna lejn Alla.”

Ritratt: Martin Agius