Internazzjonali

Il-Ġermanja: Arrestati dwar kumplott ‘kontra d-demokrazija’

Il-Pulizija fil-Ġermanja arrestaw erba’ persuni li huma akkużati dwar kumplott biex tinħoloq klima ta’ gwerra ċivili fil-pajjiż, bil-ħsieb li titkisser id-demokrazija.

Il-prosekuturi qalu li l-grupp, li għandu rabtiet mal-movimenti estremisti tal-lemin u l-movimenti li jopponu l-miżuri kontra l-Covid, kellu pjan partikulari biex jeqred il-power stations u jwassal għal blackout sħiħ fuq livell nazzjonali.

Mira oħra għall-grupp kellha tkun il-ħtif tal-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż, Karl Lauterbach, li kien strumentali għall-kontrolli implimentati mill-awtoritajiet Ġermaniżi waqt il-pandemija tal-coronavirus.

Fl-aħħar sigħat, l-erba’ arrestati kellhom jitressqu quddiem imħallef u meta l-pulizija kienu għadhom qed ifittxu għal ħames suspettat marbut mal-kumplott.

B’kollox, l-investigaturi Ġermaniżi identifikaw 12-il persuna mal-grupp bl-isem ta’ Patrijotti Magħqudin u li jifforma parti mill-moviment ta’ Reichsbuerger li l-membri tiegħu, fost oħrajn, qegħdin jiċħdu lill-Istat Ġermaniż bħala entità legali.

L-indikazzjonijiet, issa, qed juru li l-grupp ried jattakka lis-substations tad-dawl bil-ħsieb li jeqred l-infrastruttura tal-enerġija fil-Ġermanja. Dan bil-ħsieb li jinħolqu kundizzjonijiet simili għal gwerra ċivili, fost l-inizjattivi tal-grupp biex, eventwalment, tinqered is-sistema demokratika tal-pajjiż.

Jidher ukoll li numru ta’ Ġermaniżi ta’ profil għoli kienu mmarkati għall-ħtif mill-membri tal-moviment – bi tnejn fost l-arrestati qed ikunu suspettati dwar pjan għal attakk speċifiku fuq il-Ministru Lauterbach.

Min-naħa tiegħu, Karl Lauterbach qal li l-kumplott wera li l-protesti dwar il-coronavirus fil-Ġermanja saru aktar radikalizzati u li hu jinsab aktar determinat biex ikompli bil-ħidma tiegħu fl-aħjar interessi tal-poplu.

Lauterbach qal li filwaqt li n-nies li jixtiequ jiddistabbilizzaw id-demokrazija fil-Ġermanja huma biss minoranza żgħira, dawn xorta jridu jitqiesu bħala individwi mill-aktar perikolużi.

L-arresti, intant, saru waqt sensiela ta’ rejds mill-pulizija li, waqt l-azzjoni, ħatfu diversi armi tan-nar minn xi residenzi. Kienu elevati wkoll ammonti ta’ flus u ingotti tad-deheb mir-residenzi – bil-pulizija qed takkuża lill-membri tal-grupp dwar it-tħejjija ta’ azzjonijiet vjolenti kontra l-Istat u bl-abbuż tal-liġijiet għall-kontroll tal-armi.