Il-qawwiet tal-Ukrajna, għall-ewwel darba — u skont l-aħħar indikazzjonijiet — irnexxielhom jolqtu bastiment ewlieni tal-qawwiet tal-baħar tar-Russja bir-riżultat li sploda l-munizzjon fuq dan il-bastiment li għandu importanza kbira bħala l-flagship tal-Flotta Russa fil-Baħar l-Iswed.
Dan meta l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Armata tal-Kremlin issa daħlet fil-50 jum u meta għad ma rriżultax żblokk tassew deċiżiv f’dan il-konflitt li qed jissarraf f’dejjem aktar ċivili maqtula u sriebet twal ta’ refuġjati Ukreni.
Il-kelliema Ukreni qalu li l-bastiment Russu tat-tip battle cruiser bl-isem Moskva intlaqat minn żewġ missili, għalkemm iċ-ċirkustanzi tal-attakk ma kenux ikkonfermati mis-sorsi internazzjonali. Madankollu, is-sinjali kollha qed juru li l-bastiment iġarrab ħsarat serji avolja l-Ministeru tad-Difiża f’Moska qal li s-sitwazzjoni fuq il-bastiment –simbolu tal-Flotta Russa – tinsab taħt kontroll.
L-ekwipaġġ tal-vapur, li spiċċa evakwat, dam mhux ħażin jikkumbatti n-nirien fuq il-Moskva u li kkaġunaw numru ta’ splużjonijiet. Fl-aħħar sigħat, intant, kienu għaddejjin it-tħejjijiet biex il-cruiser jinġibed lejn l-eqreb port.
Kien proprju l-bastiment Moskva li mexxa l-assalt mill-baħar tar-Russi fuq l-Ukrajna u fl-aħħar jiem dan il-vapur u oħrajn tal-flotta Russa kienu skjerati fl-ibħra barra l-belt tal-port ta’ Odessa. Għaldaqstant dan il-flagship — li ilu mill-2000 bħala l-aktar bastiment importanti tal-Flotta Russa fil-Baħar l-Iswed — kien mira importanti u simbolika għall-Ukreni. fost indikazzjonijiet li fuqu hemm ukoll il-Kap kmandat ta’ dik il-Flotta.
Filwaqt li l-ħsara lill-bastiment kapaċi jħalli impatt fuq il-kapaċitajiet navali tar-Russja, l-azzjoni anki wriet li l-Ukreni – li fl-2014 tilfu ħafna vapuri tal-gwerra meta r-Russja ħatfet il-penisola tal-Krimea – xorta għandhom il-ħila biex jolqtu lill-vapuri tal-gwerra Russi fil-Baħar l-Iswed. Fl-istess ħin, l-attakk fuq il-Moskva għandu jaffettwa ħażin il-moral tar-Russi waqt li jagħmel il-kuraġġ lill-Ukreni biex ikomplu bid-difiża qalbiena ta’ pajjiżhom.
//= $special ?>