Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Rapporti konfliġġenti dwar id-destin ta’ Mariupol

Qegħdin joħorġu dejjem aktar rapporti konfliġġenti dwar il-battalja għall-kontroll ta’ Mariupol li ilha taħt assedju qalil mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna.

Dan għaliex filwaqt li l-kelliema Russi qalu li l-qawwiet tal-Kremlin issa jinsabu f’kontroll assolut tal-belt, il-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna insista li t-truppi Ukreni fl-inħawi għadhom qed jirreżistu l-attakki tar-Russi u fejn għamlu wkoll xi kisbiet ġodda fuq il-kamp tal-battalja.

Filwaqt li r-residenti ċivili f’Mariupol ġarrbu wħud mill-aktar riżultati traġiċi ta’ din il-gwerra, l-osservaturi jemmnu li żewġt ibliet Ukreni oħra – f’dan il-każ Kramatorsk u Kostiantynivka – x’aktarx li jridu jaraw livelli ta’ vjolenza simili meta r-Russja, bħalissa, qed tikkonċentra l-fażi ġdida tal-offensiva fuq l-Ukrajna tal-Lvant.