Knisja Lokali

Il-Knisja Kattolika tħejji għall-akbar festa tal-Insara

Biċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka, il-Knisja tat bidu għat-tridu tal-Għid – it-tlett ijiem li jħejju lill-Insara għall-iktar festa importanti tal-Knisja Kattolika; il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt.

Ħamis ix-Xirka hu l-jum li jfakkar fit-twaqqif tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju.

Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof Charles J Scicluna qal li l-pandemija għalmitna kif il-midja tista’ twassal iċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies, iżda issa f’dawn il-mumenti, il-poplu mill-ġdid jista’ jersaq għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, u ma jibqax biss jisma’ l-kelma t’Alla b’mod virtwali.

Fiċ-ċerimonja sar ukoll il-ħasil tas-saqajn fejn l-Arċisqof Charles Scicluna ħasel ir-riġlejn ta’ numru ta’ persuni li jirrappreżentaw il-komunità Nisranija.

Il-Ħamis, diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex tajru l-bnadar bħala sinjal ta’ devozzjoni f’din il-ġurnata importanti għall-knisja Kattolika.

Intant, aktar tard filgħaxija bdew is-7 Viżti tradizzjonali quddiem l-artal tar-repożizzjoni…hekk kif matul is-sigħat li ġejjin il-Knisja tosserva mumenti ta’ talb u ġabra, li jwasslu sal-ħin tal-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.