Raġel li kellu l-liċenzja ta’ xufier ta’ taxi kellu l-appell tiegħu miċħud mit-tribunal tar-reviżjoni amministrattiva wara li Transport Malta ma ħarġitlux il-permess biex iġġedded il-liċenzja tas-sewqan. Carmel Schembri kellu każ fil-Qorti fejn kien ammetta li għamel perjodu jgħix minn qligħ li kien ġej mill-prostituzzjoni. Il-Maġistrat Charmaine Galea li kienet qed tmexxi t-tribunal ma laqgħetx it-talba tiegħu biex tinħariġlu l-liċenzja, jew kif inhija magħrufa bħala t-tag ta’ xufier.
Għaldaqstant Transport Malta ingħatat raġun li hija ma kellhiex għażla ħlief li tirtirta l-imsemmija liċenzja. Schembrii kien ammetta li kien jieħu commissions minn ħanut tal-massaġġi li kien iħajjar għall-prostituzzjoni. Fl-2018, Schembri ammetta li mhux biss għamel il-flus mill-prostituzzjoni , iżda li mexxa wkoll burdel.
Huwa kien ġie kundannat 14-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat €1,500. Mill-Qorti rriżulta li Schembri kien jikri proprjetà f’Ħal Luqa, il-Ħamrun u San Pawl il-Baħar biex jużahom bħala massage parlours u mill-provi ħareġ li kien jużahom bħala burdel.
Il-ħwienet tal-massaġġi, Matson Massage, Silver Moon u Erot Massage kellhom il-liċenzja taħt isem Schembri. Il-Pulizija qalet li ma kienx każ ta’ traffikar uman u li tliet nisa li jaħdmu fil-ħwienet kienu jagħtu 15% tal-flus lil Schembri. Is-sena l-oħra Schembri kien irċieva korrispondenza mingħand Transport Malta li t-tag ta’ xufier ta’ taxi tiegħu ma kinitx se tiġġedded minħabba s-sentenza tal-2018.
Huwa kien kiteb lil Transport Malta biex joġġezzjona għad-deċiżjoni. Madankollu, l-Awtorità kienet qalet li din id-deċiżjoni kienet finali. . Quddiem it-Tribunal, Schembri saħaq li din id-deċiżjoni ta’ TM kienet inġusta u ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet irrilevanti u sproporzjonata. Tenna li fit-tliet snin mis-sentenza dejjem offra l-aħjar servizz lill-klijenti tiegħu u qatt ma reġa’ xellef difrejh mal-liġi.
Huwa qal lit-Tribunal li dan kien l-uniku mod kif seta’ jaqla’ l-għixien tiegħu. Min-naħa tagħha, Transport Malta argumentat li skont ir-regoli, it-tag ma tistax toħroġ lil min ikun instab ħati għall-każi simili. Il-Qorti qablet ma’ Transport Malta u qalet li għandha idejha marbuta u m’hemmx lok għal diskrezzjoni oħra. Għaldaqstant hija kkonfermat id-deċiżjoni ta’ Transport Malta.
//= $special ?>