Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena pass bogħod mill-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Rapport: Stewart Said

MALTA………………… 22

FINLANDJA………….. 6

(5-1), (8-2), (3-0), (6-3)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena jinsab pass eqreb li jagħmilha mal-aqwa 16 tal-Ewropa b’rebħa dominanti kontra l-Finlandja. Il-partita ta’ għada kontra r-Renju Unit se tkun deċiżiva hekk kif jgħaddu żewġ nazzjonijiet minn Grupp D, bin-nazzjon l-ieħor mistenni jkun l-Olanda. Neqsin fit-tim Malti kien hemm Jake Muscat li jinsab fil-Montenegro u l-imweġġa’ Sam Gialanze.

Ir-rebħa għaż-żgħażagħ Maltin qatt ma kienet fil-periklu hekk kif kienu fuq livell differenti mill-avversarji. Rekord perfett mill-ħames metri tal-penalty b’ħames gowls skorjati minn ħames tentattivi. Fuq in-naħa l-oħra, kienu biss tlieta s-sitwazzjonijiet ta’ man-ups li ntemmew b’suċċes minn tmienja.

Ironikament kienu l-Finlandiżi li fetħu l-iskor permezz ta’ Juho Rinta-Jouppi iżda t-tim Malti wieġeb immedjatament u f’anqas minn minuta dawwar ir-riżultat. Minn hemm, il-logħba kellha faċċata waħda, bit-tim Malti jiddomina. Alec Fenech minn penalty, Kieyan Borg u Jake Cachia kabbru l-vantaġġ għal 5-1.

It-tim ta’ Anthony Farrugia aċċerta mir-rebħa sa mit-tieni sessjoni bi tmien gowls perjodikament tul is-sessjoni, tlieta minnhom minn Mark Castillo. Din is-sessjoni kkonsolidat il-prestazzjoni taż-żgħażagħ Maltin bħala l-aħjar tim hekk kif kienu taħt kontroll assolut.

Minn wara l-mistrieħ, il-logħba baqgħet turi d-dominanza tal-Maltin. Il-gowlkiper Malti baqa’ ftit impenjat filwaqt li l-iskor kiber għal 16-3. Daniel Rizzo flimkien ma’ penalties minn Gianni Farrugia u Jake Cachia.

L-aħħar sessjoni kienet movimentata iżda bit-tim Malti xorta fil-kontroll. Il-vantaġġ kompla jikber, bil-Finlandiżi iżda jirnexxilhom isibu x-xibka aktar mit-tliet sessjonijiet preċedenti. Għat-tim Malti skorjaw darbtejn Alec Fenech u Mark Castillo flimkien mal-gowls ta’ Kieyan Borg u Ryan Galea.

Malta: A. Bugeja, M. Mifsud (2), D. Tully, D. Rizzo (1), J. Cachia (4), R. Galea (1), J. Cutajar (1), M. Castillo (5), K. Borg (2), J. Bonavia, A. Fenech (5), G. Farrugia (1), G. Vassallo

Finlandja: P. Alamaki, T. Silander, A. Kaukinen, M. Johnsson (2), J. Rinta-Jouppi, G. Kozar, R. Lehikoinen (2), L. Benford (1), S. Niinivirta, E. Nurmi, D. Damljanovic (1), V. Rautjoki

Referees: Alexandru-Andrei Mustata (Rumanija), Ralf Mūller

Riżultati

Illum: Olanda v Renju Unit 20-4. Malta v Finlandja 22-6

Għada: Olanda v Finlandja 5.00pm, Malta v Renju Unit 6.30pm

Is-Sibt: Finlandja v Renju Unit 10.00am, Malta v Olanda 11.30am