Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li kkommetta atti sesswali fuq bint is-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 40 sena li jaħdem bħala xufier tat-taxi nżamm arrestat mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo wara li ġie mixli li kkommetta atti ta’ natura sesswali mingħajr kunsens fuq minuri ta’ 16-il sena, li tiġi t-tifla tas-sieħba tiegħu. Huwa ġie mixli li wettaq dawn ir-reati fid-dar ta’ fejn hu, s-sieħba u t-tifla jabitaw fil-Fgura.

Huwa ġie mixli wkoll b’dan ir-reat li sar b’mod ripetut u li ssoġġetta lil minuri għal xi att ta’  intimintà  fiżika, liema allegat delitt sar b’mod regolari u li  ssoġetta lil minuri għal imġieba ta’ konnotazzjonijiet sesswali. Ir-raġel ġie mixli wkoll li wettaq reati bil-fomm u li għamel mossi sesswali liema reati seħħew ta’ spiss. U aktar ġie mixli li fit-12 ta’ April li għadda bejn id-9am u l-11am hedded lis-sieħba tiegħu u lit-tifla u li ħareġ barra mill-limiti tal-provokazzjoni u dan permezz ta’ inġurji u theddid.

L-Avukat tal-għajnuna legali Yanika Bugeja infurmat lill-Qorti li hija kienet se tidher għall-akkużat għal darba biss peress li huwa għandu mpieg u għalhekk jista’ iqabbad avukat privat. Bugeja għamlet ukoll talba għall-pleġġ tal-akkużat u dan fid-dawl tal-fatt li huwa għandu mpieg full-time għal rasu u li jaħdem b’taxi li mhijiex tiegħu, u li jekk jinżamm arrestat jaf jitlef xogħolu.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Sharona Buhagiar u Dorianne Tabone oġġezzjonaw bil-qawwa kollha għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża li jiġu kontaminati l-provi, għax għad iridu jixhdu kemm il-vittma kif ukoll ommha. Qalu wkoll li r-raġel mhux ta’ min jafdah peress li meta bagħtu għalih biex imur id-Depot, ma marx u qalilhom li kien qiegħed xogħol ġewwa fabbrika li għadha lanqas ma bdiet tinbena. Qalu wkoll li meta marru għalih il-Pulizija sabuh fid-dar tal-Fgura.

L-Ispetturi qalu wkoll li qalilhom li kien mar għand ommu, meta fil-fatt kien mar fid-dar tas-sieħba tiegħu u bintha u wieħed irid jieħu konsiderazzjoni tal-gravità tal-każ. L-Avukat Yanika Bugeja qalet li kull każ huwa gravi u li l-biża ta’ intraċċi tal-provi tista’ tiġi solvuta billi r-raġel imur jgħix ma’ ommu f’lokalità differenti, f’dan il-każ iż-Żejtun, fejn tgħix ommu.

Bugeja qalet ukoll li l-Qorti tista’ tordna u tagħmel għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx lejn il-vittmi u kundizzjonijiet oħra. Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba l-biża ta’ intraċċ tal-provi. Hija ordnat ukoll biex isem l-akkużat ma jiġix imxandar biex tiġi protetta l-identità tat-tifla. L-Avukat Mark Busuttil deher bħala parte civile fil-każ.