Illejla, il-Kunsill Lokali tal-Fgura se jorganizza t-tieni edizzjoni ta’ Mixgħela f’Ħamis ix-Xirka fil-Fgura”. Kien propju frott tas-sitwazzjoni tal-Covid fejn is-sena li għaddiet minħabba r-restrizzjonijiet li kienu fis-seħħ, ic-celebrazzjonijet tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir ma sarux.
Il-Minority Leader u Kunsillier lokali Charles Bonello li huwa ukoll il-Kunsillier responsabbli minn din l-attività bħala l-Kunsillier li taħtu għandu r-responsabiltajiet tal-Ambjent, il-Kultura u l-Wirt Storiku qal li f’dan ix-xenarju, il-Kunsill Lokali tal-Fgura bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Festa Esterna tal-Fgura organizza mixgħela fuq iz-zuntier tal-Knisja kif ukoll f’parti minn Triq Hompesch li hija t-triq prinċipali.
Wara s-suċċess enormi li kellha l-ewwel edizzjoni, il-Kunsill Lokali tal-Fgura ddeċieda li jorganizza t-tieni edizzjoni fuq skala ikbar minn dik tas-sena l-oħra. Infatti, din is-sena se jiżżanżnu numru ta’ slaleb ġodda għat-triq prinċipali, dekorazzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa mal-Monument tas-Salib li jirrappreżenta lill-Parroċċa kif ukoll l-armar se jestendi ghal Triq il-Karmelitani.
Għal din il-mixgħela se jintuzaw xejn inqas minn 7000 xemgħa. Din l-attività se tkun qed tgħaqqad ukoll numru ta’ wirjiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa kemm fil-Każin tal-Banda tal-Lokal kif ukoll wirjiet organizzati mill-Kunsill Lokali u l-Kummissjoni Festa Esterna.
Matul din il-lejla, fiċ-Ċentru tal-Kummissjoni Festa Esterna se jkun qed itella’ numru ta’ rappreżentazzjonijiet marbutin mal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu.
L-attività se tkun miftuħa bejn is-7.30pm u nofsillejl u kulħadd huwa mistieden sabiex f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija jżur il-Fgura sabiex ikun jista’ jammira din il-mixgħela li ppreparaw il-Fgurin.