Sport Waterpolo

Din il-kwalifikazzjoni għalija hi imprezzabbli – Anthony Farrugia, kowċ nazzjonali U19

(Ritratt: Timmy Cutugno)

Artiklu: Stewart Said

“Din il-kwalifikazzjoni għalija hi imprezzabbli.” Dawn kienu l-ewwel kliem tal-kowċ nazzjonali Anthony Farrugia wara li t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena kkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew.

Għalkemm ir-rebħa kontra r-Renju Unit kienet l-aktar ħaġa importanti, Anthony Farrugia jemmen li t-tim Malti seta’ għamilha iktar faċli. “Wara li bdejna 3-1 minn taħt, ġibna l-iskor mill-ewwel. Imbagħad kellna daqsxejn kunfidenza żejda li waħedna mal-gowlkiper stajna skorjajna u tista’ tqassam mingħajr pressjoni.” Il-kowċ Malti jemmen li meta tim ikun tlieta jew erba’ gowls minn fuq, ma jistax jgħaġġel u jagħmel l-iżbalji, iżda jħalli lill-avversarju jiżbalja.

Farrugia mexxa lit-tim għal rebħiet kontra l-Finlandja u r-Renju Unit biex issa l-attenzjoni tmur għall-konfront diffiċli tas-Sibt filgħodu kontra l-Olanda. Anthony Farrugia jemmen li għalkemm il-logħba hi diffiċli, persważ li issa t-tim jinsab mingħajr pressjoni u jistgħu jagħtu l-100%.

Din il-kwalifikazzjoni ssegwi dik li kienet saret fl-2016 meta dakinhar Malta kienet spiċċat fl-14-il post fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew li kien sar fl-Olanda. “Issa b’din il-ġenerazzjoni ta’ plejers, irridu nagħmlu pass ieħor,” temm jgħid Farrugia.